Lokali

Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ serq minn vetturi fil-Marsa

Żagħżugħ ta’ 22 sena ġie arrestat mill-Pulizija wara rapport ta’ serq minn vetturi mill-Marsa. Il-każ seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tal-4:45am.

Wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar persuna suspettuża li qiegħda tipprova tisgassa xi vetturi fi Triq il-Ħaddiem, il-Marsa, il-Pulizija wettqet rondi fl-akwati fejn ġie nnutat raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni mgħotija ftit qabel.

Huwa kien arrestat minnufih u waqt tfittxija fuqu nstabu diversi oġġetti allegatament misruqa, flus kontanti kif ukoll ammont ta’ droga suspettata ħaxixa tal-cannabis, imqassma f’diversi pakketti.

Ir-raġel qed jinżamm arrestat, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.