Lokali

50 sena tad-Denfil – “Memorji, imħabba u nostalġija”

Din is-sena pajjiżna qed jiċċelebra l-50 anniversarju tas-serje ta’ kotba maħbuba minn bosta ġenerazzjonijiet Maltin u Għawdxin – Id-Denfil.

Għal din l-okkażjoni, mit-22 ta’ April sal-31 ta’ Awwissu, il-Malta Libraries se jkunu qed jiċċelebraw Id-Denfil permezz ta’ inizjattiva għall-pubbliku bħala parti mill-programm t’attivitajiet iddedikat lil-Librerija.

Net News tkellem maċ-Chief Operating Officer ta’ Malta Libraries, Elizabeth Ebejer fejn spjegat li d-Denfil mhux biss huwa sempliċi sensiela ta’ kotba, iżda riflessjoni tas-soċjetà Maltija sa minn meta bdiet tiġi ppubblikata l-ewwel edizzjoni fl-1974.

Bosta persuni minn ġenerazzjonijiet differenti jħossuhom familjari mal-istejjer tad-denfil li lkoll kibru jitgħallmu minnhom matul it-33 sena kemm dam jiġi ppubblikat sal-2007.

Għaldaqstant, il-membri tal-Malta Libraries li jixtiequ jipparteċipaw f’dan l-anniversarju qed ikunu mitluba sabiex jiġbu biljett mil-libreriji mqassma madwar Malta u Għawdex fejn kull librerija se tilqa’ storja mid-Denfil – bil-librara jittimbraw in-numru abbinat magħha.

Matul ix-xahar ta’ Lulju imbagħad l-istejjer li jkunu Għawdex se jinbidlu ma’ dawk ta’ Malta sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jgħaqqdu tnax-il timbru abbinati mat-tnax-il storja. Sussegwentament fl-aħħar t’Awwissu, jinġabru l-biljetti u jitħabbar rigal speċjali għall-parteċipanti li jgħaqqdu t-tnax-il timbru b’suċċess.

Il-Libreriji fejn wieħed jista’ jsegwi dawn l-istejjer u jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni huma l-Librerija Pubblika Ċentrali ta’ Belt is-Sebħ, il-Libreriji Reġjonali f’Birkirkara u Ħal Qormi..u l-fergħat fl-Imtarfa, Pembroke u Birżebbuġa.

Dan filwaqt li f’Għawdex hemm il-Librerija Pubblika Ċentrali f’Għawdex, u l-fergħat tal-Qala, San Lawrenz, Għajnsielem, Xewkija u Għarb.

Din l-inizjattiva hija mingħajr ħlas u miftuħa għall-etajiet kollha.