Lokali

“Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-ħidma edukattiva” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla bis-sensiela ta’ żjarat f’diversi postijiet tax-xogħol bħala parti mill-impenji tal-PN biex jitfakkar Jum il-Ħaddiem.

Il-Ħamis, Bernard Grech żar lill-MUT fejn intlaqa’ mill-istaff u mill-President ta’ din il-union, Marco Bonnici. IIl-Kap tal-PN saħaq l-importanza ta’ dan is-settur għal pajjiżna, hekk kif din l-istess edukazzjoni tista’ tassigura li jkollna poplu għaqli u mħarreġ – inkluż fl-edukazzjoni artistika.

F’kummenti li ta lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq il-ħidma kontinwa li trid issir fis-settur edukattiv.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-MUT faħħar il-ħidma kontinwa tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam hekk kif saħaq li dejjem inżamm il-kuntatt bejn iż-żewġ partijiet, u dejjem kien hemm relazzjonijiet tajbin mal-Partit Nazzjonalista kemm fil-gvern u kemm fl-Oppożizzjoni. Huma wrew l-apprezzament tagħhom ukoll lejn l-appoġġ li ngħataw minn naħa tal-Partit Nazzjonalista fil-protesti riċenti li kellhom favur l-għalliema.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm Justin Schembri, Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’; Ivan Castillo, Shadow Minister għas-settur Marrittimu, Id-djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja; Charles Azzopardi, Shadow Minister għad-Dellizzji u t-Tgħalim Matul il-Ħajja; u Miriana Calleja Testaferrata De Noto, kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej fit-8 ta’ Ġunju li ġej.