Lokali

“Għandha tittieħed azzjoni immedjata wara l-abbużi serji li kienu qed jitmexxew mill-Ministeru ta’ Michael Falzon”- PN

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandha tittieħed azzjoni immedjata fid-dawl ta’ dak li ħareġ mill-Qorti, fejn ġie żvelat li l-abbużi serji li kien hemm fuq il-benefiċċji soċjali kienu qed jiġu b’ordni diretta mill-Ministeru ta’ Michael Falzon.

Mill-proċeduri ħareġ li taħt id-direzzjoni tal-Ministeru ta’ Michael Falzon, kien hemm proċess fejn ċerti persuni li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet rifjutata, jerġgħu ikunu kkunsidrati abbużivament wara struzzjonijiet tal-Mimisteru ta’ Michael Falzon.

Filwaqt li jtenni l-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata, il-Partit Nazzjonalista jħoss li dawn il-fatti jqajmu tħassib serju dwar il-mod kif tmexxew dawn il-każijiet u l-possibbiltà ta’ korruzzjoni fil-Ministeru, hekk kif din il-prattika tmur kontra l-proċeduri stabbiliti u li ma jippermettux appell. Dan il-kunflitt ta’ interess jimplika li l-abbużi kienu inkoraġġuti u possibbilment orkestrati mill-ogħla livelli tal-Ministeru.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa u azzjoni immedjata mill-Gvern biex terġa’ tkun irrestawrata l-integrità fis-sistema ta’ benefiċċji għad-diżabbiltà severa, filwaqt li jkun żgurat li abbużi bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

Il-Maltin u l-Għawdxin jistħoqqilhom amministrazzjoni ġusta, li tiffunzjona b’integrità u ħielsa mill-korruzzjoni. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi l-iżviluppi b’attenzjoni, filwaqt li jżomm lill-Gvern responsabbli.