Internazzjonali

Ian Borg ma jweġibx jekk jaqbilx mas-Soċjalisti Ewropej

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed tkompli teskala minn jum għall-ieħor; sitwazzjoni li issa daħlet fis-seba’ xahar tagħha, u li kienet fiċ-ċentru tad-diskussjoni li għaddejja f’dawn il-jiem fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Net News kien preżenti fi New York fejn jitlaqqa’ l-Kunsill tas-Sigurtà, li bħalissa għandu l-Presidenza Maltija. 

Hawn, tkellimna mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg rigward il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tinvesti fid-difiża tagħha, bil-Ministru jipprova jaħrab mid-domanda billi jispjega l-ovvju – li pajjiżna huwa membru fl-Unjoni Ewropea, u li kull istituzzjoni għandha r-regoli tagħha.

Iżda meta ġie pressat fuq l-importanza li tissaħħaħ id-difiża tal-Ewropa, Ian Borg qalilna li hemm 26 pajjiż ieħor li qed jieħdu d-deċiżjonijiet li jidhrilhom “xierqa”. Dan meta kien il-blokk sħiħ, inkluż il-Prim Ministru Malti, li ħa pożizzjoni favur aktar investiment fid-difiża, xi ħaġa li qed tiġi mbuttata anke mis-Soċjalisti Ewropej, li tagħhom il-Partit Laburista huwa membru.

Net News staqsa wkoll rigward l-effetti ekonomiċi li qed tħalli l-instabbiltà fil-Baħar l-Aħmar, bil-Ministru jirreferi għall-ekonomija globali mingħajr ma jsemmi l-effetti li dawn l-attakki tar-ribelli Houthi qed iħallu fuq it-tbaħħir lejn Malta. 

Bħalissa, Malta għandha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti grazzi għal proċess li kien inbeda fl-2010 fi żmien Gvern Nazzjonalista. Din hija t-tieni darba li pajjiżna assuma l-Presidenza f’temp ta’ 14-il xahar.