Ewropa Lokali

Il-President Roberta Metsola fil-Kunsill Ewropew: Is-Suq Uniku huwa l-akbar mutur ekonomiku tal-Ewropa

“It-tisħiħ tas-Suq Uniku jiżgura l-kompetittività, il-prosperità u t-tmexxija fit-tul tal-Ewropa fix-xena globali” - il-President Roberta Metsola.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet lill-mexxejja Ewropej li n-nies jistennewhom li jindirizzaw il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, is-sigurtà, it-tisħiħ tal-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

Waqt l-aħħar Kunsill Ewropew qabel l-Elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju, il-President Metsola qalet li dan it-tħassib spikka waqt iż-żjarat tagħha fl-Istati Membri madwar l-UE u qalet li dawn l-elezzjonijiet waslu fi żmien kritiku. Hija rreferiet għar-Rapport ta’ Enrico Letta dwar il-Futur tas-Suq Uniku, u laqgħet id-diskussjoni dwar it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li huwa biss billi tiżdied il-produttività, jitħaffu l-investimenti fl-industrija u billi is-Suq Uniku jiġi integrat aktar, li l-UE tista’ tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa u ssostni t-tkabbir ekonomiku.

Il-President Metsola qalet li wasal iż-żmien li jitneħħew l-ostakli ekonomiċi li fadal li jistgħu jkunu fatali għall-Ewropa fil-battalja globali għall-kumpaniji li għad iridu jitwaqqfu.

“Jekk in-negozji u l-industriji tagħna jridu jżidu u jsaħħu l-innovazzjoni, joħolqu l-impjiegi, jinċentivaw opportunitajiet aħjar ta’ tfaddil għaċ-ċittadini tagħna, jiġġeneraw il-ġid u jiżguraw il-kompetittività tal-Ewropa, jeħtieġ li noħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex in-negozji l-ġodda u l-SMEs jibqgħu fl-Ewropa,” saħqet il-President Metsola. Madankollu, żiedet tgħid li “r-realtà hija li filwaqt li l-miri tagħna huma fuq quddiem nett fuq livell globali, li hija xi ħaġa li għandna – u aħna – kburin biha, l-interessi nazzjonali u l-burokrazija amministrattiva jistgħu jwasslu biex iżommu lura kull progress.”

Il-President Metsola irrimarkat l-appoġġ kontinwu tal-Parlament Ewropew lejn l-Ukrajna. Dwar it-tentattivi tar-Russja biex tgħawweġ in-narrattiva u ssaħħaħ is-sentimenti favur ir-Russja qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f’Ġunju, il-President Metsola assigurat lill-mexxejja Ewropej li l-Parlament Ewropew jinsab lest li jappoġġa bis-sħiħ lill-istati membri, lill-gvernijiet u lis-servizzi nazzjonali tal-intelliġenza biex jimbuttaw u jissanzjonaw kwalunkwe influwenza qarrieqa jew interferenza mal-proċessi demokratiċi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’kull mod li tista’.

Il-President tal-Parlament Ewropew ikkundannat wkoll l-attakki inġustifikabbli tal-Iran bl-aktar mod qawwi possibbli. “B’dawn l-iżviluppi inkwetanti, sanzjonijiet ġodda kontra l-Iran għall-programmi tiegħu ta’ drones u missili huma meħtieġa u ġustifikati. Il-Parlament ilu wkoll jitlob li l-Korp kollu tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika tal-Iran jiġi inkluż fil-lista tal-UE tal-organizzazzjonijiet terroristiċi. Huwa ċar li f’din is-sitwazzjoni reġjonali ta’ tensjoni kbira, aktar eskalazzjoni mhi fl-interess ta’ ħadd. Huwa għalhekk li se nibqgħu naħdmu biex innaqqsu s-sitwazzjoni u nwaqqfu s-sitwazzjoni tmur f’aktar tixrid ta’ demm.”