Internazzjonali

Indoneżja: Eluf evakwati wara li vulkan żbroffa ħames darbiet f’24 siegħa

Eluf ta’ persuni ġew evakwati minn djarhom wara li vulkan fl-Indoneżja żbroffa. Rapporti qed jgħidu li f’24 siegħa dan il-vulkan żbroffa tal-anqas ħames darbiet.

L-awtoritajiet urew tħassib kbir hekk kif parti minn din il-muntanja kapaċi ċċedi minn mument għall-ieħor u tispiċċa fil-baħar bil-konsegwenza li toħloq tsunami devastanti.

Għaldaqsatant fl-aħħar sigħat ħarġu twissijiet sabiex in-nies jevitaw din iz-zona kif ukoll ingħalaq l-ajruport li jinsab viċin tal-vulkan fejn s’issa ġew affettwati madwar disa’ titjiriet.

Intant, l-Indoneżja għandha madwar 120 vulkan attiv fejn fl-2018 wara li żbroffa vulkan kien hemm tsunami li ħalla 430 persuna mejta.