Lokali

“Irridu nqumu u ngħidu li l-karozza forsi mhux se nużaha” – Ministru Chris Bonett

Kliem il-Ministru jindikaw li l-pajjiż ma jiflaħx għal investiment tal-metro

Fl-2019 il-Gvern Laburista kien ikkommissjona studju fejn intqal li kien se jnaqqas it-traffiku.

Iżda llum il-ġurnata, il-Ministru responsabbli mit-Trasport, Chris Bonett, qed jgħid li t-tbassir ma setax jipprevedi dak li ġara, ċioè ż-żieda fil-popolazzjoni.

Din l-istqarrija turi biċ-ċar li l-Gvern tal-Labour ma ppjanax fit-tul minkejja l-mudell ekonomiku li applika fuq pajjiżna hu stess fl-aħħar snin, dik tal-kwantità fuq il-kwalità – b’żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni.

Mistoqsi minn Net News kif ma laqgħux għaż-żieda fil-popolazzjoni, huwa l-ewwel saħaq li ħadd ma basar li ġejja l-pandemija, imbagħad qal li l-popolazzjoni żdiedet minħabba x-xogħol.

Mistoqsi mill-ġurnalisti kif se jkun qed itaffi l-problema qawwija tat-traffiku, Bonett sostna li għaddejjin bi pjanijiet u strateġiji; iżda ammetta li l-ebda Ministru mhuwa se jsolviha waħdu – u l-poplu jrid ikun lest jagħmel is-sagrifiċji.

Intant, wara li ftit tal-ġimgħat qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, b’ħafna pompa l-Gvern deher li kien kommess jibda jinvesti fil-metro biex jaqleb radikalment is-sistema tal-ivvjaġġar f’pajjiżna, kollox qed jindika li l-Gvern se jkun qed jagħtiha l-ġenb.

Filwaqt li l-Ministru sejjaħ is-suġġett tal-metro bħala fissazzjoni wara li l-Gvern nefaq mit-taxxi tal-poplu aktar minn €430,000 f’pompi u tined, Bonett ta x’jifhem li ekonomikament pajjiżna ma jiflaħx għal investiment bħal dan.