Lokali

It-tibdil fil-klima jeħtieġ azzjoni u bidla fil-mentalità


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament, li t-tibdil fil-klima jeħtieġ azzjoni u bidla fil-mentalità.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu indirizza konferenza dwar it-tibdil fil-klima li ffukat fuq diversi aspetti ta’ din it-tema attwali.


Il-konferenza kienet organizzata fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello u fiha pparteċipaw il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Ewroparlamentari David Casa, deputati parlamentari miż-żewġ naħat, rappreżentanti ta’ għaqdiet ambjentali, studenti u tfal.


Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech tkellem dwar it-traffiku u qal li d-diskussjoni għandha tiffoka fuq ir-realtà; it-tibdil fil-klima li teħtieġ tibdil fil-mentalità u mhux biss diskorsi.
Bernard Grech qal li ftit kien hemm azzjoni quddiem it-tibdil fil-klima u spjega li Malta hi impenjata li tagħmel id-differenza iżda dan ma jsirx billi jibqa’ jintrema id-drenaġġ fil-baħar kif qed isir f’diversi postijiet f’Malta.


Filwaqt li rrifera għall-proġett tal-Mosta, Bernard Grech ikkritika l-fatt li tqaċċtu s-siġar minn dan il-proġett u kkritika l-fatt li minkejja li l-Parlament Malti ddikjara emerġenza fit-tibil fil-klima, ftit li xejn sar titjib. Hu semma’ t-twaqqif tal-Awtorità għat-Tibdil fil-klima li kienet proposta mill-PN, u qal li l-PN se jappoġġja lill-gvern f’din l-inizjattiva.


Bernard Grech appella biex ma jkunx hemm kontradizzjonjiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali. It-traffiku jfisser iktar tniġġiż u iktar ħsara ambjentali; għalhekk din il-problema għandha tkun trattata b’mod immedjat, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.


L-Ewroparlamentari David Casa tkellem dwar l-importanza li l-pajjiż jimxi skont id-direttivi ambjentali u dwar il-ħidma li hu għamel bħala Ewroparlamentari fl-istrutturi Ewropej biex jissaħħaħ l-ambjent fl-Ewropa, b’enfasi fuq Malta.


Hu tratta wkoll il-kontribut li jistgħu jagħtu pajjiżi żgħar bħal Malta fil-kuntest tal-obbligi li għandhom pajjiżi kbar. David Casa poġġa dan l-impenn fil-kuntest tal-obbligi u r-responsabbiltajiet li kull pajjiż għandu quddiem l-isfidi ambjentali.


Fil-konferenza tkellmu wkoll diversi rappreżentanti minn għaqdiet ambjentali kif ukoll numru ta’ attiviti ambjentali. Fid-diskorsi tagħhom, dawn ir-rappreżentati, numru kbir minnhom żgħażagħ, tkellmu b’mod dirett dwar is-sitwazzjoni f’Malta u kif l-awtoritajiet qed jonqsu milli jimplimentaw direttivi essenzjali biex it-tibdil fil-klima ma jaffettwax il-kwalità tal-ħajja. Fil-konferenza saret ukoll preżentazzjoni dwar kif it-tibdil fil-klima qed jeffettwa diversi zoni f’Mata u kif fil-futur, hu previst, li ċertu zoni jispiċċaw taħt il-lvell tal-baħar.


Fost il-kelliema spikkat id-diżapprovazzjoni għall-mod kif mhux jittieħdu d-deċiżjonijiet importanti u kruċjali f’Malta dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima.


Fost is-suġġetti diskussi hemm iż-żieda kbira fit-temperaturi f’Malta, l-effetti tax-xemx fuq il-popolazzjoni, l-effetti tal-plastic fil-baħar, kif ukoll l-effetti fuq setturi partikolari fosthom l-agrikoltura. Suġġetti oħra trattati kienu t-tniġġis tal-baħar, l-irresponsabbiltà tan-nies, l-importanza tax-xiri ta’ prodotti Maltin, it-tnaqqis fl-emissjonijiet u t-tisħiħ fl-infrastruttura għal użu ta’ iktar roti.


Il-parteċipanti sostnew li ħafna tfal ma jħossux li għandhom posthom fl-ambjent.


Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca awgurat lit-tfal u ż-żgħażagħ li pparteċipaw fil-konferenza għall-mod kif esprimew l-impenn tagħhom favur l-ambjent. Coleiro Preca trattat l-effetti tal-gwerer u kif dawn qed jintensifikaw l-effetti fuq il-klima, u qalet li l-gwerer qed jeqirdu l-futur. Hi qalet li l-isplużjonijiet, il-missili u l-bombi, il-qerda tal-foresti u l-infrastruttura jħallu effetti ambjentali kbar.


Id-deputat Nazzjonalist Eve Borg Bonello tkellmet fuq l-importanza tar-rwol tat-tfal fil-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u qalet li t-tfal għandhom l-ikbar dritt li jitkellmu fuq il-futur tagħhom.
Hi sostniet li poplu magħqud biss jista’ jirbaħ fuq l-emerġenza fil-klima u appellat biex it-tfal ikomplu jkunu ambaxxaturi ta’ dak li jemmnu fih. Eve Borg Bonello appellat ukoll lill-politiċi biex jipprattikaw dak li jemmnu fih.