Lokali

AĠĠORNATA: Tork iweġġa’ gravi wara li waqa’ f’ġibjun fil-Pjazza tal-Birgu

Uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku tal-ambulanzi u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa fi Pjazza tal-Belt Vittoriosa wara li ħaddiem Tork ta’ 35 sena waqa’ f’ħofra.

Il-każ seħħ ftit qabel l-4:30pm fil-Birgu meta għal xi raġuni, waqt li kienu qed isir xi ‘roadworks’ fiz-zona, il-ħaddiem waqa’ f’ħofra bil-konsegwenza li kellha bżonn tissejjaħ l-assistenza.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li waqt li kien qed isir xi xogħol, sfrondat l-art bil-konsegwenza li waqa’ f’ġibjun.

Fil-post il-ħaddiem ingħata l-għajnuna minn tim mediku u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.