Sport

Jintemmu l-impenji fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tat-table tennis

Malta International Table Tennis Centre Butterfly Dignics temmew l-impenji tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tat-table tennis meta għelbu liċ-champions il-ġodda HITT Academy WH Middle East 4-3.

Għalihom spikka Rodrigo Tapia li kiseb rebħiet kontra Conrad Puli u Isaac Grixti, b’żagħżugħ ieħor fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, Neil Incorvaja, li kien wkoll fost ir-rebbieħa.

Minkejja din ir-rebħa li ġabithom punti daqs iċ-champions, xorta kienu t-tim minn HITT Academy li rebħu l-kampjonat minħabba d-differenza ta’ games aħjar.

F’aktar riżultati miċ-championship pool, Malta International Table Tennis Centre Butterfly għelbu lil HITT Academy Tibhar 4-2 filwaqt li HITT Academy Mosta Dome B & B iddominaw il-konfront kontra Top Spin Table Tennis Academy Valletta Pay Andro 6-0.