Il-maltemp estrem li ħakem l-Emirati Għarab Magħquda u z-zona kollha tal-Golf Għarbi aktar kmieni din il-ġimgħa, ħarbat il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni – maltemp li ġab miegħu biża’ u paniku.
Hekk stqarr ma’ Net News Andrè Bonello, Malti li jgħix u jaħdem f’Abu Dhabi, li hija l-kapitali tal-Emirati.
Andrè spjega kif ix-xita u r-riħ kaxkru kollox – maltampata li damet mal-20 siegħa kontinwa.
“Rajt siġar maqlugħin. Karozzi jinġarru. Basements li spiċċaw mgħarrqa. Kienu mumenti ta’ paniku, tant li f’mument minnhom – peress li nqbadt barra – ma kontx naf fejn sejjer bil-karozza.”
Il-Malti spjega kif l-ilma u r-riħ kaxkru dak kollu li kien hemm fuq barra fiz-zona urbana. Imwejjed, siġġijiet u BBQs jispiċċaw itiru ma’ kullimkien.
F’inqas minn 24 siegħa, fl-Emirati niżlet rekord ta’ 254 millimetru ta’ xita. Sa dalgħodu stess l-awtoritajiet lokali, bis-sehem tal-forzi tal-ordni, kienu għaddejjin b’ħidma ta’ tindif minħabba l-ħsara kbira li l-maltemp għamel lir-residenzi, blokok ta’ appartamenti u negozji kummerċjali.
//= $special ?>