Internazzjonali

“What a joke”: Iżrael jikkundanna għall-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Uniti

Gilad Erdan, rappreżentant permanenti għall-Israel fin-Nazzjonijiet Uniti

“Il-konsiderazzjoni tar-riżoluzzjoni għas-sħubija sħiħa tal-Palestina fin-Nazzjonijiet Uniti, turi kemm dan il-Kunsill huwa maqtugħ mir-realta”. 

Dan kien kliem Gilad Erdan, ir-rappreżentant tal-Iżrael fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, meta l-Ħamis il-Kunsil tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti sejjaħ diskussjoni miftuħa rigward is-sitwazzjoni li qed teskala aktar ma jmur fil-Lvant Nofsani. 

Fejn insista illi huwa diżappuntanti ferm li l-Kunsill tas-Sigurta’ qed jikkunsidra japprova aplikazzjoni ta’ sħubija sħiħa lill-Awtorita’ Palestinjana illi ħalliet it-terroristi tal-Hamas jattakkaw lill-familji Israeljani. 

Dan filwaqt li wera rabja lejn il-Kunsill tas-Sigurta’ illi skontu, qatt ma ltaqgħa sabiex jiddiskuti l-ostaġġi Israeljani fejn insista illi l-attakki tas-7 ta’ Ottubru kienu l-akbar attakki fuq il-Lhud sa minn żmien Adolf Hitler. 

Huwa insista illi huwa ddiżappuntat immens li l-Kunsill tas-Sigurta jara li l-Palestina tħares ir-rekwiżiti ta’ membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti, prinċiparjament dik li l-Palestina ikun stat li jġib il-paċi. Fejn tenna illi r-riżoluzzjoni hija waħda immorali u distruttiva, filwaqt li ddeskriva l-konsiderazzjoni tagħha bħala evidenza li l-Kunsill tas-Sigurta huwa maqtugħ mir-realta’. 

Gilad Erdan insista ukoll illi l-Iran wera l-karattru terrorista tiegħu, bl-attakk li wettaq fuq l-Israel, attakk ta’ aktar minn 300 drone u missila li ġew interċettati. Intant, huwa insista illi kemm l-preżenza tar-regime ta’ Ayatollay Ruhollah Hkomeini u r-rappreżentat Russu Vasily Alekseyevich Nebenzya turi n-nuqqas ta’ serjeta’ ta’ dan il-kunsill. 

Għal kuntrarju ta’ dan Ziad Abu Amr, ir-rappreżentant speċjali tal-president tal-istat osservatur Palestinjan, li appella għal dawk kollha ta’ rieda tajba sabiex jivvota favur ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti. Fejn insista illi għal dan l-aħħar snin il-Palestina għamlet numru ta’ sagrifiċċji sabiex tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala membru sħiħ. 

Abu Amr insista illi sa mill-1988, il-Palestina għamlet bidliet storiċi sabiex turi r-rieda tagħha li tiġi aċċettata bħala membru sħiħ filwaqt li tenna li s-soluzzjoni għal dan il-kunflitt huwa li l-partijiet prinċipali fil-gwerra jagħrfu li l-Palestina u l-Israel għandhom ikunu stat separat minn xulxin. 

Fid-diskors tiegħu Abu Amr tenna illi is-sħubija sħiħa tal-Palestina fin-Nazzjonijiet Uniti se tkun qed tneħħi ftit mill-inġustizzja storika li l-ġenerazzjonijiet Palestinjani ġew soġġetti għalih. U huwa għalhekk li kompla jappella sabiex kull membru stat jivvota favur is-sħubija sħiħa tal-Palestina. 

F’din il-laqgħa kien preżenti ukoll is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres. Fejn fid-diskors tiegħu insista illi għad-deeskalazzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani – li skontu, għandha tibda b’waqfien mill-ġlied umanitarju u r-rilaxx tal-ostaġġi taż-żewġ parteċipanti ewlenin f’din il-Gwerra. 

Huwa spjega illi aktar minn 34,000 persuna jisfaw maqtula, b’aktar minn 17,000 ikunu tfal. Huwa għalhekk, illi spjega kif l-Israel għandha tippermetti għajnuna umanitarja sabiex tidħol f’Gaza, mingħajr xkiel u attakki. Bis-Segretarju Ġenerali jfakkar fl-attakki bla preċedent fuq konvoj tal-għajnuna tal-UNICEF illi safa attakkat fejn ftit minuti wara safa attakkat ukoll il-World Central convoy li ħalla seba’ ħaddiema maqtula.  

Intant Guterres insista li dak illi huwa bżonnjuż fil-Medda ta’ Gaza huwa waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti, ir-rilaxx tal-ostaġġi u t-twassil tal-għajnuna umanitarja mingħajr l-ebda xkiel jew attakki bla preċedent. 

Antonio Guterres tenna illi s-soluzzjoni għal dan il-kunflitt għanda tkun it-two state solution – dan ifisser illi l-Palestina u l-Israel ikunu stati separati minn xulxin. 

Fid-diskors tiegħu is-Segretarju Ġenerali fakkar ukoll fis-sitwazzjonji inkwetanti fil-Libanu, fejn numru ta’ persuni sfaw maqtula u maqbudin fil-kunflitt bejn l-Israel u l-Hezbollah, sitwazzjoni illi qed tkompli biss teskala t-tensjoni fil-Lvant Nofsani. 

Huwa tkellem ukoll rigward l-problemi li jinsab fihom il-Baħar l-Aħmar fejn l-merkanzija qed tisfa attakkata mir-ribelli Houthi. Fejn spjega illi dawn l-attakki qed iħallu diffikultajiet kbar fl-ekonomija globali, l-ambjent globali kaġun tal-attakki fuq vapuri tal-merkanzija li jħallu ż-żejt warajhom fil-baħar kaġun tal-attakk u r-riskju kbir għal konfrontazjoni mhux mixtieqa. 

Intant huwa insista illi l-istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jaħdmu id f’id sabiex is-sitwazzjoni fil-Baħar l-Aħmar ma tkomplix teskala fejn appella li dawn l-attakki għandhom jintemmu immedjatament, filwaqt li appella sabiex in-nies ta’ Yemen isibu l-għajnuna tal-istati membri għal sostenibbilta’ tal-paċi. 

Bħala pajjiż Malti, qed tiġi mbottata t-two state solution – dik li tfisser li l-Palestina u l-Israel ikunu stati separati, demokratiċi u siguri b’Ġerusalemm tkun il-belt kapitali taż-żewġ stati separati. Bil-pajjiż Malti jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u l-ħelsien tal-ostaġġi taż-żewġ partijiet. 

Matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, il-Kunsill tas-Sigurta’ se jkun qed jieħu vot sabiex il-Palestina tiġi rikonoxxuta bħala membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti, b’indikazzjonijiet juru illi l-vot se jkun qed jirriżulta f’aktar minn 10 voti favur, u veto minn naħa tal-Amerikani. 

Malta qed tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurta fin-Nazzjonijiet Uniti għat-tieni darba fl-aħħar 14-il xahar.