Internazzjonali

L-UE: Sanzjonijiet ġodda… fost il-ħtieġa li ‘l-Iran jibqa’ iżolat’

L-Unjoni Ewropea qablet biex iżżid is-sanzjonijiet għall-produtturi tad-drones u l-missili fl-Iran b’konsegwenza tal-attakk bla preċedent mill-Iranjani fuq Iżrael.

Wara li l-Iranjani, fil-lejl tas-Sibt, sparaw il-mijiet tad-drones u l-missili lejn l-ibliet tal-Iżraeljani, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, qal li hu importanti ħafna ‘li jsir minn kollox biex l-Iran jibqa’ pajjiż iżolat’.  

L-Unjoni diġà kellha diversi sanzjonijiet effettivi fil-konfront tal-Istat Iżlamiku fundamentalista mmexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei. Uħud mis-sanzjonijiet huma relatati mal-politika ta’ Tehran biex tbigħ id-drones lir-Russja għall-użu kontra l-poplu waqt il-konflitt tal-Ukrajna.

Intant, l-Istati Uniti wkoll indikat li għandha tadotta aktar miżuri u sanzjonijiet kontra l-Iran matul il-jiem li ġejjin. Dan wara li sar qbil rigward is-sanzjonijiet ġodda tal-UE għall-Iran waqt summit fi Brussell li kien ukoll l-ewwel laqgħa bejn is-27 Mexxejja tal-Istati membri minn wara l-lejl tal-attakk storiku fuq Iżrael.

Il-burraxka tal-missili fuq Iżrael saret ukoll bis-sehem tal-militanti u milizji alleati mal-Iran fl-Iraq, is-Sirja u l-Jemen. Iżda l-Iżraeljani, bl-għajnuna tal-qawwiet navali tal-Istati Uniti u l-qawwiet tal-ajru Britanniċi fir-reġjun, irnexxielhom iwaqqgħu il-maġġoranza assoluta tad-drones u l-missili qabel setgħu jolqtu lill-ibliet u liz-zoni sensittivi f’Iżrael.

L-Iran insista li l-azzjoni saret b’ritaljazzjoni għall-attakk tal-ajru li sar fl-Ewwel ta’ April fuq il-konsulat tiegħu fis-Sirja u fejn inqatlu 13 – fosthom diversi uffiċjali militari ewlenin tar-reġim immexxi minn Khamenei.

Iżrael qatt ma assuma responsabbiltà għal dan l-attakk fuq il-konsulat iżda għadu sal-lum jindika li, ‘il quddiem, għandu jwieġeb għall-azzjoni tas-Sibt fuq l-artijiet tiegħu. Din it-twissija tibqa’ valida  anki waqt li Iżrael, għalissa, qed imexxi programm ta’ diplomazija f’ċirkustanzi ta’ tensjoni kbira.

+