Internazzjonali

L-Ukrajna: ‘Telfa fil-gwerra mar-Russja tfisser gwaj kbir għall-Punent u d-demokrazija’

Il-Prim Ministru tal-Ukrajna, Denys Shmyhal, wissa li għandha tinqala’ t-‘Tielet Gwerra Dinjija’ f’sitwazzjoni fejn pajjiżu jitlef il-konflitt mar-Russja li, fi Frar, daħal fit-tielet sena tiegħu.

Sadanittant, Shymal, waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti tal-BBC f’Washington, esprima ‘ottimiżmu kawt’ li d-deputati fil-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti għandhom jgħaddu l-abbozz li jippermetti għall-għajnuna barranija. Din hi miżura kontroversjali u kuntestata u għandha tiftaħ għall-ekwivalenti ta’ aktar minn €50 biljun f’għajnuna  lill-Gvern Ukren.

L-għajnuna hi partikularment importanti għaliex, jekk tgħaddi, tkun qed tgħin għat-tisħiħ tas-sistemi ta’ difiża tal-Ukreni.

Intant, il-Kamra ta’ Washington, proprju s-Sibt, jivvota fuq dan il-pakkett u meta l-proposta tinkludi anki l-finanzjament għal Iżrael u r-reġjun Indo-Paċifiku.

Ir-Russja qed tgħid li kwalunkwe għajnuna ġdida lill-Ukrajna mingħand l-Amerikani m’għandhiex tagħmel differenza għall-konflitt li għaddej bħalissa fl-artijiet ikkontrollati mill-Ukreni. Fl-istess ħin, il-Kremlin ta’ Moska tenna li s-sitwazzjoni qalb il-fronti tal-gwerra fl-Ukrajna mhumiex qed jidhru wisq favorevoli għall-qawwiet tal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Denys  Shmyhal, fl-aħħar sigħat, għamilha ċara li l-Ukrajna se tispiċċa ‘iċedi u taqa’ mingħajr l-għajnuna u l-appoġġ tal-Istati Uniti u l-Punent. Hu kompla li sitwazzjoni bħal din għandha, ‘il quddiem, teqred lis-sistema tas-sigurtà globali li ilha stabbilita s-snin u bir-riżultat li d-dinja jkollha taħseb għall-ġejjieni taħt ċirkustanzi mill-aktar perikolużi u inċerti għad-demokrazija.

Skont il-PM Ukren, ’minn xenarju bħal dan kapaċi jiżbruffaw numru ta’ konflitti oħra li, flimkien, jammontaw għat-Tielet Gwerra Dinjija’ . Kliemu, sadanittant, fakkar fit-twissija, is-sena l-oħra, tal-President Zelensky li kien qal li r-Russja anki kapaċi tinvadi lill-Polonja, pajjiż tan-NATO, f’każ li tegħleb ir-reżistenza tal-Ukreni. Dan hu xenarju potenzjali li wkoll għandu jwassal għat-Tielet Gwerra.