Lokali Qorti

Mixli b’serq ta’ flus minn karozza u pusses ta’ cannabis u arma

Żagħżugħ Sudaniż ta’ 23 sena ġie mixli fil-Qorti b’serq ta’ flus kontanti minn karozza fil-Marsa. Huwa kien akkużat ukoll li fil-pussess tiegħu kellu pjanta tal-cannabis u arma bil-ponta. Fil-Qorti, Abdalla Yahya wieġeb li mhux ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex taħtar psikjatra għar-raġel għaliex ma jinsabx f’pożizzjoni li jwieġeb għad-domandi mistoqsija mill-Qorti. Fl-awla, l-interpretu qal li qed isib diffikultà biex jispjega l-mistoqsijiet li tagħmel il-Qorti u li għandu d-dubji tiegħu kemm qiegħed jifhem dak li qed jingħad.

Il-Maġistrat Anne Marie Thake laqgħet it-talba u ssospendiet l-eżami tal-imputat sakemm ikollha espert psikjatriku li jista’ jevalwa lill-akkużat. Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Ir-raġel baqa’ jinżamm arrestat.

Għall-akkużat deher l-Avukat Thomas Barbara Sant. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna megħjuna mill-Avukati Brendan Hewer u Shelby Aquilina.