Lokali Qorti

Mixli b’kaċċa illegali meta spara għal Bagħdan

Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Marsaskala, ġie mixli bi 13-il akkuża relatati ma’ kaċċa ta’ speċi fl-istaġun magħluq. Kinsley Ellul li qal lill-Qorti li ma jaħdimx, ġie mixli li wettaq dan ir-reat għall-ħabta tad-9pm tal-Erbgħa, 17 ta’ April, f’Delimara, limiti ta’ Marsaxlokk, u dan meta spara fuq Bagħdan Aħmar.

L-Ispettur Elliot Magro qal li l-Pulizija kienet infurmata li kienet qed issir kaċċa illegali f’Tas Silg. Ir-rapport kien jgħid li kienu qegħdin jiġu sparati tiri fuq speċi protetta ta’ għasfur. Min ċempel segwa lir-raġel sal-karozza tiegħu minħabba li l-akkużat kien ukoll qed jispara barra mill-ħin permess skont il-liġi.

Il-Pulizija, imbagħad sabet l-għasfur ferut f’barmil u sabet ukoll tliet snieter. Fir-residenza ta’ Ellul instab senter ieħor. Hu kien arrestat mill-ewwel. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-Avukat difensur tiegħu qal li l-ħafna mill-akkużi huma marbuta ma’ xulxin.

Għalkemm ma kenitx ikkontesta l-validità tal-arrest, id-difiża saħqet li r-raġuni biex persuna tinżamm taħt arrest preventiv kienet biex tipproteġi s-soċjetà mill-akkużat. F’dan il-każ l-imputat kien żagħżugħ, li kien għadu jgħix mal-ġenituri tiegħu.

L-imputat ukoll ma kienx jaf bl-identità tal-persuna li ressqet ir-rapport kontrih. Min-naħa tal-prosekuzzjoni qalet li l-unika uġigħ ta’ ras kienet li investigazzjonijiet preliminari li indikaw li l-imputat ma kienx dilettanti iżda kien dipendenti u vvizzjat fuq il-kaċċa.

Issa li l-liċenzja tiegħu kienet ġiet irtirata, il-biża’ hi li jirrikorri għall-kaċċa illegali. L-Avukat Lia qal li “vizzju” kienet kelma kerha, u l-kelma “passjonat” hi iktar xierqa. Din il-persuna mhix periklu għas-soċjetà, l-armi tan-nar kollha kienu nqabdu u hu ma jistax imur għall-kaċċa.

Il-Qorti qalet li tkun xi tkun il-kelma li tintuża, huwa importanti li l-akkużat jifhem il-konsegwenzi li se jiffaċċja, jekk jagħżel li jerġa’ jikser il-liġi. “Jekk tinqabad terġa’ tmur għall-kaċċa għandek mdendel fuq rasek piena li ma tistax tmur għal kaċċa għal għomrok,” il-Qorti wissiet lill-akkużat.

Wara li rat il-kondotta kriminali tal-imputat u semgħet li ma kienx hemm riskju ta’ tbagħbis tal-provi, flimkien mal-fatt li l-armi tan-nar kollha kienu f’idejn il-Pulizija, il-Maġistrat Ann Marie Thake laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

Dan fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000. Huwa ġie wkoll ordnat biex jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħaż-Żabbar. L-Avukat Alessandro Lia assista lill-imputat filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.