Lokali Qorti

Mixli li hedded li joqtol lil martu jekk ma tagħtihx €40,000

Raġel ta’ 53 sena minn Naxxar wieġeb mhux ħati ta’ vjolenza domestika, u li hedded u kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront ta’ martu. Il-prosekuzzjoni qalet li nhar it-Tlieta, l-allegata vittma għamlet rapport mal-Pulizija li żewġha heddida li se joqtolha jekk mhux se tagħtih €40,000 li kellhom fis-safe.

L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet ukoll li l-akkużat ċempel lill-missier il-vittma u qallu li jekk bintu mhux se tgħaddilu l-flus, kien se jisma’ bi storja kbira. Qalet ukoll li meta l-Pulizija arrestaw lill-akkużat, elevat numru ta’ armi mir-residenza tiegħu u tal-vittma.

Id-difiża talbet għall-pleġġ, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba li l-koppja tgħix taħt l-istess saqaf filwaqt li minħabba li l-allegata vittma għad trid tixhed. Taħt ġurament, missier l-akkużat qal li hu lest li jilqa’ f’daru lill-ibnu jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-avukat li qed tidher għall-vittma qalet li hi ma ssibx oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest la darba l-Qorti tagħtiha protezzjoni mill-akkużat. Wara li rat in-nuqqas ta’ oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest mill-parte civile, u wara li kkunsidrat ukoll li l-armi ġew elevati mir-residenza, il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża bil-kundizzjoni li l-akkużat jiddepożita €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000, u jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Mosta.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittma, inkluż il-familjari tagħha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Sherona Buhagiar. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Adreana Zammit. Għall-vittma deher l-avukat Keith Borg.