Lokali

Mixlija li wettqet tliet serqiet f’temp ta’ jumejn mill-post tax-xogħol tagħha

Salegirl ta’ 34 sena minn Siracusa, ġiet mixlija li kkommettiet tliet serqiet f’temp ta’ jumejn, li t-total tagħhom jammonta għal ftit inqas minn €2,000 minn fuq il-post tal-impjieg tagħha. Cristina Ameta wieġbet li mhux ħatja għall-akkużi migjubin kontriha.

L-ispettur qal li f’Jannar, is-sid ta’ kumpanija li għandu diversi ħwienet f’Baystreet, għamel rapport mal-Pulizija li waħda mill-impjegati kienet serqet flus kontanti mill-ħwienet tiegħu. Mal-Pulizija, sid il-kumpanija qal li meta ċċekkja l-filmati tal-cameras tas-sigurtà, l-istess mara nqabdet tieħu l-flus mill-‘cash register’ tal-ħwienet.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li Ameta għandha kondotta nadifa u qatt kkommettiet reati fil-passat. L-Ispettur Eman Hayman qal li l-provi diġà ġew preżenati u għalhekk m’hemmx il-biża’ ta’ intraċċ tal-provi.

Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-proċeduri għadhom ferm fi stadju bikri u argumentat li hemm il-biża’ tal-ħarba minħabba li l-imputata ġejja u sejra Sqallija. Qalet ukoll li diġà kienet diffiċli biex ġiet arrestat, minħabba li kienet ilha nieqsa minn Malta għal madwar xahrejn.

Il-mara giet arrestata jumejn ilu fl-istabbiliment tad-divertiment f’Paceville, ftit ġranet biss wara li waslet minn Sqallija. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, u rat li l-kondotta tal-mara hi waħda nadifa u ilha tgħix Malta għal madwar sitt snin, laqgħqet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li l-imputata ma tistax issiefer jew titlaq mill-pajjiż, tiffirma darbtejn kuljum l-għassa ta’ Ta Sliema, tiddepożita is-somma ta’ €2,000 u garanzija ta’ €5,000 .

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Eman Hayman flimkien mal-avukat Nicole Marie Sladden f’isem l-ufficcju tal-Avukat Generali. Għall-akkuzata deher l-avukat Thomas Barbara Sant.