Lokali Qorti

Probation fuq serq għal raġel bi problema tad-droga li rabba l-għaqal

Raġel ta’ 31 sena li kellu l-vizzju tad-droga u magħruf sew mal-Pulizija, ingħata probation għal tliet snin wara li nstab ħati li wettaq tliet serqiet minn ħanut tas-souvenirs f’Baystreet, f’San Ġiljan, għaxar snin ilu. Il-Qorti qalet li l-progress li għamel Paul Gauci Borda mill-Gżira tul dawn l-aħħar sitt snin ma jagħmillux ġid jekk jintbagħat il-ħabs.

Huwa nstab ħati li wettaq żewġ serqiet minn ‘Tafal Souvenir Shop’ jumejn fuq xulxin, fis-16 u 17 ta’ Marzu 2014, u serqa oħra fit-2 ta’ Marzu tal-istess sena. ll-Qorti semgħet kif l-oġġetti misruqa kienu jinkludu 180 biċċa ta’ ċpiepet u ġiżrajjen li kienu fuq ‘stand’ u li kienu jinbiegħu b’€10, iżda li kienu jinxtraw minn sid il-ħanut għal €5, kif ukoll żewġt ifkieren tal-Mdina Glass bil-werqa tad-deheb ta’ 24 karat.

Huwa kien intlemaħ jisraq minn filmati tas-sigurtà, li kienu ġew mgħoddija lill-Pulizija. Il-Qorti semgħet ukoll rappreżentant tal-Caritas tgħid kif Gauci Borda kellu l-vizzju tal-kokaina u l-eroina, iżda sa mill-2018 kien jattendi għal sessjonijiet regolari u jipprovdi kampjuni tal-urina li rriżultaw negattivi għad-droga. Qalet li meta ħareġ mill-ħabs fl-2020, reġa’ beda l-kuntatt mal-Caritas u baqa’ jipprovdi l-kampjuni tal-urina.

Ix-xhud qalet li l-imputat sejjer tajjeb ħafna fil-ħajja ta’ kuljum inġenerali u reġa’ ħa t-tifla titrabba miegħu flimkien ma’ ommu u issa mal-partner preżenti tiegħu. Il-progress tiegħu huwa wieħed sinifikanti. Il-Qorti kienet informata wkoll minn rappreżentant tal-aġenzija JobsPlus, li dan ilu impjegat full-time mill-2021.

Il-Qorti rat ukoll in-nota tal-Bord tar-Rijabiltazzjoni ta’ persuni li nqabdu bid-droga, fejn il-Bord qal li huwa sodisfatt bil-proċess ta’ rijabilazzjoni u qed jagħlaq il-każ tiegħu b’suċċess. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, qalet li mhux ta’ benefiċċju għas-soċjetà li persuna li rrijabilitat mid-droga titpoġġa l-ħabs, u għalhekk, filwaqt li sabitu ħati għall-akkużi, poġġietu fuq probation għal tliet snin u ordnatlu jrodd lura €1,800 lil sid il-ħanut fi żmien sena.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.