Sport

Riżultati tajbin għal plejer tal-Wheelchair ParaDarts

Il-plejer tal-Wheelchair ParaDarts, Bradley Zerafa, ħa sehem f’tournament internazzjonali f’Budapest fejn temm  fit-tielet post fiż-żewġ kompetizzjonijiet li ħa sehem fihom.

Fil-Wheelchair Para Darts Classic, Zerafa tilef kontra Darren Kennish ta’ Isle of Man, għalkemm rebaħ lil Balazs Fenesi u Gabor Bader tal-Ungerija sabiex temm it-tieni fil-grupp u għadda għal mal-aħħar erbgħa.

Fis-semifinali hu ltaqa’ kontra Arnost Hladky tar-Repubblika Ceka, iżda tilef 3-1.

F’din il-kompetizzjoni hu rnexxielu jikseb skor tajjeb ta’ 174.

Fil-ġurnata finali, Bradley Zerafa ħa sehem ukoll fil-Wheelchair Para Darts Masters fi grupp magħmul minn tliet plejers fejn rebaħ bl-istess skor ta’ 2-1 kontra Viragos Kis Lajos u Zsolt Szarvas tal-Ungerija, sabiex kiseb l-ewwel post fil-grupp.

Hu kompla bis-serje pożittiva wara li għeleb lil Gabor Bader fil-kwarti tal-finali sabiex kien biss fis-semifinali li ġie eliminat minn Darren Kennish meta tilef 4-2. Kennish attwalment jinsab fl-ewwel post fir-rankings tal-World Para Darts Wheelchair Category.