Lokali

“Robert Abela jinċentiva l-abbuż sesswali fil-post tax-xogħol”- PN

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora bil-qawwa kollha l-fatt li għall-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela, il-fastidju sesswali sar aċċettabbli.

F’ stqarrija, Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal; Mark Anthony Sammut, Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà; u Claudette Buttigieg, Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda kontra d-Dijabete, saħqu li kif ġie rrappurtat minn The Shift News, Clint Axisa, attivist Laburista mill-Fgura, tneħħietlu s-sospensjoni li kellu mas-Servizz Pubbliku sakemm jaffaċċja akkużi kriminali. Hu jinsab mixli b’fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fi Transport Malta, u li issa qed jirrapporta għax-xogħol f’Infrastructure Malta. Għall-Gvern iżda, qisu kollox xejn mhu xejn u li dan mhux każ serju.

Fi kliem aktar sempliċi, Robert Abela ppermetta li Axisa jidħol lura għax-xogħol minkejja l-proċeduri kriminali li għaddejjin bħalissa.

Fissru li ħaddiema tas-settur pubbliku u taċ-Ċivil m’għandhomx iċedu għall-pressjoni politika u jabdikaw mir-responsabbiltà tagħhom. Li għall-Gvern akkużi, fosthom kriminali, bħalma hu l-fastidju sesswali, ma jitqisux serji, hi ta’ tħassib. L-uffiċjali pubbliċi għandhom jibqgħu l-għassiesa biex jassiguraw li titwettaq ġustizzja u mhux ikunu kompliċi ma’ Gvern li għalih xejn mhu xejn.

Huma qalu li l-Gvern Laburista qed iwassal messaġġ ikrah ħafna li l-fastidju sesswali hu skużabbli jekk mhux ukoll aċċettabbli. Qed iwassal messaġġ lill-vittmi tal-abbuż li għandhom joqogħdu kwieti, ma jitkellmux u ma jirrappurtawx għax min iwettaq dan l-abbuż jista’ jkollu l-barka u l-protezzjoni tal-Gvern.

Id-deputati Nazzjonalisti qalu li l-Gvern ta’ Robert Abela għal darb’oħra qed juri li hu Gvern bla skrupli. Gvern li għalih il-ħażin sar tajjeb. Gvern li jgħid li hu femminist, iżda li bi l-imġiba tiegħu turi bil-kontra.

Dan, għall-PN, hu skandlu ieħor minn sensiela ta’ skandli li sfortunatament tant ilna nisimgħu li kważi saru normalità.