Sport Sport Ieħor

Swiatek mal-aħħar tmienja fi Stuttgart

epa11276322 Iga Swiatek of Poland in action against Celine Naef of Switzerland during their Billie Jean King Cup qualification round match in Biel, Switzerland, 13 April 2024. EPA-EFE/PETER SCHNEIDER

Is-seed numru wieħed Iga Swiatek għelbet lil Elise Mertens 6-3, 6-4 biex għaddiet għall-kwarti tal-finali tal-Grand Prix tal-Porsche.

Swiatek issa se tilgħab kontra Emma Raducanu, li minn naħa tagħha għelbet lil Linda Noskova 6-0, 7-5.

Iktar kmieni, Elena Rybakina, seed numru erbgħa, ukoll għaddiet għall-kwarti tal-finali b’rebħa mill-iktar emozzjonanti 7-6 (3), 1-6, 6-4 fuq Veronika Kudermetova.

Rybakina rnexxielha tikkanċella tliet break points lejn tmiem is-set tal-ftuħ u mbagħad ħadet il-kontroll tat-tiebreaker. Iżda l-iżbalji tagħha żdiedu fit-tieni set hekk kif Kudermetova bdiet tiddomina.

Rybakina reġgħet kisbet il-kontroll tal-logħba fit-tielet set deċiżiv u fetħet vantaġġ ta’ 4-1 qabel aktar żbalji ppermettew lil Kudermetova tikseb id-draw. 

Iżda Rybakina reġgħet rebħet is-service tal-avversarja u għalqet il-logħba b’rebħa 6-4 fit-tielet set.

Rybakina issa se tiffaċċja lil Jasmine Paolini wara li t-Taljana għelbet lis-sseed numru sebgħa Ons Jabeur 7-6 (8), 6-4.

Is-seed numru sitta Markéta Vondroušová waslet ukoll sal-kwarti tal-finali wara li għelbet lil Anastasia Potapova 7-6 (5), 6-1. 

Tmienja mill-aqwa 10 nisa klassifikati jinsabu fit-tournament, l-avveniment ewlieni fl-ewwel ġimgħa ta’ tournaments tat-tafal fuq it-Tour WTA.