Lokali Qorti

Anzjan jammetti li xejjer sikkina lejn kuntrattur li qed jibni maġenbu

Raġel ta’ 78 sena għandu jingħata sentenza aktar tard dan ix-xahar, wara li ammetta li xejjer sikkina lejn kuntrattur li kien qed jibni blokk ta’ appartamenti ħdejn daru fiż-Żejtun.

L-Ispettur tal-Pulizija Doriette Cuschieri u l-prosekutur Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ressqu lill-pensjonant quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, il-Ġimgħa waranofsinhar, u akkużawh b’attentat ta’ ġrieħi gravi, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess, pussess ta’ arma waqt il-kummissjoni ta’ reat, ksur tal-paċi pubblika, u li attakka lill-kuntrattur u heddu.

L-Ispettur Cuschieri qalet lill-Qorti li l-Pulizija kienet irċeviet rapport il-Ħamis fis-6:50pm, ippreżentat minn kuntrattur li qal li l-imputat ipprova jaggredih b’daqqa ta’ sikkina waqt żjara f’daru. Fil-Qorti ntqal li r-raġuni għaż-żjara tal-kuntrattur kienet biex jiġu diskussi inċidenti ripetuti ta’ ħsarat li qed isiru fid-dar tal-anzjan minn xogħol ta’ kostruzzjoni li qed isir fejn kien qed jinbena blokk ta’ appartamenti.

F’xi ħin ta’ dik il-laqgħa, kien inqala’ argument, qal il-kuntrattur lill-Pulizija, fejn sostna li r-raġel kien ipprova jattakkah b’sikkina, u ġiegħel lill-kuntrattur jistaħba wara xi armar tal-kostruzzjoni. Mistoqsi mill-Qorti x’kien qed iwieġeb għal dawn l-akkużi, l-imputat għamel sinjal b’idejh u b’rasu. Wara li kkonsulta fil-qosor mal-avukat tiegħu, ir-raġel imbagħad wieġeb li kien ħati tal-akkużi.

Il-Qorti ppermettiet lill-partijiet jersqu lejn il-bank tal-ġudikatura, fejn il-każ ġie diskuss privatament mal-Maġistrat għal diversi minuti. Wara, l-avukati reġgħu lura f’posthom u għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-piena.

Il-Prosekuzzjoni sostniet li fil-piena li se tkun qed tingħata, il-Qorti kellha tqis in-natura serja tar-reat. L-Avukat Jacob Magri, li qed jassisti lill-kuntrattur flimkien mal-avukat Arthur Azzopardi bħala parte civile, saħaq li għandha tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fejn talab lill-Qorti biex tassigura li l-inċident ma jerġax jirrepeti ruħu fl-għaxar xhur li l-proġett ta’ kostruzzjoni mistenni jeħu biex jitlesta.

Il-Qorti ddifferiet il-każ għad-29 ta’ April għal sentenza. L-avukati difensuri Errol Cutajar u Luke Valletta talbu li r-raġel jingħata l-libertà proviżorja sa dak iż-żmien, bit-talba tintlaqa’ wara li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, li kienet iggarantita b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000, u ordnat lir-raġel jibqa’ ’l bogħod mill-kuntrattur, li favur tiegħu ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni.

Il-Qorti imponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet taż-żewġ partijiet involuti.