Lokali

Anzjan u raġel iweġġgħu gravi f’inċidenti separati f’Ħal Tarxien

Sewweq ta’ mutur weġġa’ gravi u anzjan sofra minn ġrieħi gravi f’żewġ inċidenti separati f’Ħal Tarxien.

L-ewwel inċident tat-traffiku seħħ illum il-Ġimgħa għall-ħabta tas-7:30 ta’ filgħodu, fi Triq San Franġisk, Ħal Tarxien. Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizija rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti Ħal Qormi, u karozza misjuqa minn mara ta’ 35 sena residenti Ħal Tarxien.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

Aktar tard, fi Triq Sant’Anna, f’Ħal Tarxien ukoll, għall-ħabta tad-9:15am, anzjan ta’ 74 sena residenti Ħal Tarxien intlaqat minn vettura misjuqa minn raġel ta’ 53 sena residenti Ħal Tarxien ukoll.
Tim mediku assista lill-anzjan u minnufih ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq iż-żewġ każijiet.