Lokali

Bernard Grech qalb in-nies fil-Mellieħa

Mar-residenti, sidien ta’ negozji, familji u anzjani. Din kienet ġurnata oħra ta’ żjarat qalb in-nies hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla bil-ħidma tiegħu fil-lokalitajiet.

Ma’ Bernard Grech, ħafna tkellmu dwar id-diffukltajiet tagħhom fejn tidħol il-ħajja ta’ kuljum, fejn bosta sostnew li bħal issa s-sitwazzjoni mhix waħda feliċi. Oħrajn qalu li f’dawn l-aħħar snin il-kwalità tal-ħajja tagħhom marret lura.

Issemma’ ukoll il-fatt li l-piż tal-għoli tal-ħajja u ż-żieda eżorbitanti fil-prezzijiet mhux tgħakkes biss l-ħaddiema u l-familji Maltin però anke s-sidien ta’ negozji varji.

Mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista sidien ta’ negozji qasmu l-inkwiet tagħhom fejn sostnew li f’dan l-aħħar żmien il-prezzijiet kellhom jiżdiedu bilfors minħabba li l-istess prodotti li kienu qiegħdin jġibu żdiedu b’mod sostanzjali u s-sitwazzjonai baqgħet assolutament l-istess. Kien hawn illi Bernard Grech fakkar fil-proposta tal-PN, li tingħata għajnuna lill-importaturi – proposta li l-Gvern baqa’ jinjora.

Fatt interessanti kien ukoll li kważi is-sidien kollha li tkellem magħhom Bernard Grech fil-Mellieħa sostnew li t-turisti li qiegħdin jiġu mhux qed jonfqu daqsekk flus daqs fi żminijiet passati – apparti il-fatt li bosta Maltin qed iżommu lura minn ċertu kapriċċi għall-fatt li ħafna mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.

Ir-residenti tal-Mellieħa tkellmu wkoll dwar il-problema tat-traffiku; li qed titfa’ piż kbir fuq is-saħħa mentali tan-nies….u piż anke fuq l-istess negozji.

F’kummenti li ta lil Net News Bernard Grech sostna li l-mudell ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista huwa ibbażat fuq il-kwalità u mhux fuq il-kwantita – li jfisser ukoll pagi ahjar.

Għal din iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar, mid-deputati Ivan Castillo u Graziella Galea, mill-kandidati għall-MEPs Norma Camilleri u David Agius kif ukoll il-kandidati tal-PN għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.