Lokali Qorti

Dritt ta’ risposta fuq rapport tal-Qorti dwar storja pubblikata fil-MaltaToday

Filwaqt li ma hemmx dritt ta’ risposta fejn jidħlu rapporti tal-Qorti, Net News irċieva stqarrija ta’ kjarifika mingħand Grazio Barbara, fil-vesti tiegħu ta’ Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali. Dan bħala risposta fuq storja li ġiet pubblikata fil-MaltaToday fl-artikolu intitolat ‘Grixti used ‘agents’ to collect cut on fraudulent benefits he helped constituents obtain a €5,000 “fee” emerged in a number of interrogations, with recipients saying they would be asked to pay the cash after their applications were approved.’

Filwaqt li r-rapport tal-MaltaToday kien korrett għax huwa rikostruzzjoni ta’ dak kollu li ġie rrappurtat fuq minn media house li kienet preżenti fl-awla tal-Maġistrat Rachel Montebello – dwar dak li ssemma fuq Marc Callejja, persuna viċin il-Ministru Michael Falzon, ma kien hemm l-ebda ċaħda minn naħa tiegħu għal dak li qallu fil-Qorti l-Avukat Jason Azzopardi, bl-avukat waqt il-kontro-eżami saħansitra jitlob lill-Qorti biex twissih kif iwieġeb minħabba li jista’ jinkrimina ruħu.

Minkejja li kif ingħatajna parir legali li ma hemm l-ebda dritt legali minn naħa tal-ġurnalisti għal dritt ta’ risposta, xorta waħda se nippubblikaw dak li bagħatilna s-Sur Barbara, permezz tal-Avukat tiegħu Josette Sultana.

Huwa qed jgħdi li fil-bidu tax-xhieda tiegħu s-Sur Barbara spjega b’mod mill-aktar ċar li d-dekasteru li hu responsabbli għalih jinkludi fih ix-xogħol amministrattiv tal-Bordijiet. Il-ħatra tagħhom hija regolata mill-Att tas-Sigurtà Soċjali u l-istess proċedura ilha hekk għal għexieren ta’ snin saħansitra minn meta twieled l-Att tas-Sigurtà Soċjali. Matul is-snin kollha dejjem intużat l-istess proċedura kif stipulata mil-Liġi. 

Żied jgħid ukoll li fejn fl-istess rappurtaġġ hemm miktub: ‘The witness confirmed that illegal ‘reconsiderations’ of applications previously refused by the medical board had been made, and that it was Marc Calleja, a close associate of Minister Michael Falzon, who would order them’ hija skoretta mill-bidu sal-aħħar. Għandu jingħad li anzi hu stqarr bil-kontra. Huwa għalhekk li fid-deposizzjoni tiegħu s-Sur Barbara spjega li s-Sur Marc Calleja qatt ma kellu għalfejn javviċinah. Di fatti b’mod mill-aktar ċar, is-Sur Barbara qal is-segwenti kliem: ‘Lili qatt ma avviċinani.’ 

B’referenza għal applikazzjonijiet fejn ġie mistqarr li kienu jiġu approvati minn fuq it-telephone, is-Sur Barbara jikkjarifika li hu qal hekk b’referenza għal applikazzjonijiet li daħlu ġodda fi żmien fejn il-pajjiż kien għaddej minn restrizzjonijiet riġidi minħabba l-pandemija. Konsegwenza ta’ dan, u biex l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà jiġu megħjuna finanzjarjament kienu jitħallsu wara li ssir evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni. 

Tajjeb ukoll li jingħad li fil-kontra-eżami tiegħu, l-avukat beda jistaqsi l-mistoqsija u jweġibha hu stess bi pretensjoni, u beda jipprova jobbliga lix-xhud jikkonferma dak li beda jgħid l-istess avukat.  Tenna li b’referenza għal post ippubblikat fuq il-paġna ta’ Facebook tal-istess Avukat Jason Azzopardi, is-Sur Barbara jwieġeb: 

Li dak pubblikat fuq il-paġna tiegħu huwa biss l-interpretazzjoni tal-Avukat Jason Azzopardi u tali verżjoni, partikolarment fejn hemm miktub ‘ħareġ għall-ewwel darba l-isem (Mark Calleja) tal-id il-leminija tal-Ministru Michael Falzon li kien il-perċimes biex ibagħbas il-kompożizzjoni tal-Medical Board li quddiemu kull applikant kien idum tliet minuti biss u jgħaddi.’ Dan id-diskors la ntqal fid-depożizzojni tas-Sur Barbara u l-anqas ma ntqal fl-ebda ħin fl-Awla tal-Qorti. Dan hu dettal maħluq mill-istess Avukat.

Finalment tenna li fir-rigward fejn Dr. Jason Azzopardi kiteb ‘Hareġ li Mark Calleja kien jordna reconsiderations tad-deċiżjonijiet ta’ rifjut mill-Bord Mediku, anke jekk il-Liġi ma tippermetti ebda appell aħseb u ara reconsideration.’ Din hija wkoll interpretazzjoni mhux fidila għal dak li ntqal fl-Awla. Is-Sur Barbara qal biss li Mark Calleja la qatt avviċinah u lanqas ordnalu xi reconsideration.