Fl-aħħar jiem fil-Parlament sar magħruf li entitajiet governattivi weħlu eluf ta’ ewro f’multi għal ksur ta’ liġijiet b’rabta mal-ambjent; l-istess entitajiet li suppost responsabbli li jħarsu l-ambjent fil-gżejjer Maltin.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali mix-Shadow Minister għall-Ambjent, Rebekah Borg; u mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, David Agius; intqal kif dawk li suppost qed jipproteġu l-ambjent qed jagħżlu li minflok bl-azzjonijiet tagħhom jeqirduh.
Kienet il-Ministru Miriam Dalli stess li kkonfermat li hemm total ta’ erba’ entitajiet tal-Gvern li ġew immultati, liema multi jvarjaw bejn il-€25,000 u l-€100,000 kull wieħed. Dan ħareġ wara mistoqsija parlamentari li saret minn Rebekah Borg; liema multi ma jinkludux dawk l-entitajiet li weħlu multi oħra li l-ammont huwa taħt il-€25,000.
Il-ħames kumpaniji tal-Gvern huma l-WasterServ, Infrastructure Malta, Road Maintenance Services, u żewġ multi għall-istess Ministeru – dak għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – liema ministeru waħdu ġie mmultat €200,000.
Din l-informazzjoni mhix waħda li tiġi pubblika sakemm mhux mitluba mill-Oppożizzjoni fil-Parlament. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jappella biex din il-pubblikazzjoni tkun waħda obbligatorja. Dan hekk kif huwa biss issa li sar magħruf li mill-2016 ‘il quddiem inħarġu mill-inqas €300,000 f’multi b’rabta mal-ambjent għall-entitajiet tal-Gvern.
Fl-aħħar xhur rajna għadd ta’ lokalitajiet li sarulhom tqaċċit ta’ siġar, fosthom fil-Mosta u f’Marsalforn. Liema sitwazzjonijiet ġabu għal kundanna kbira minn individwi u għaqdiet. Kritika li wasslet kontra xogħlijiet ta’ entitajiet li aġixxew kontra l-ambjent; l-istess entitajiet li suppost qed imexxu b’eżempju.
//= $special ?>