Internazzjonali

Gaza: L-Istati Uniti tipprova tevita l-offensiva tal-Iżraeljani fuq Rafah

L-Istati Uniti mill-ġdid esprimiet l-inkwiet dwar il-pjani ta’ Iżrael biex jippersisti b’offensiva militari fuq il-belt ta’ Rafah, lejn in-Nofsinar ta’ Gaza u li l-Iżraeljani indikawha bħala ‘fortizza għat-terroristi tal-Ħamas’.

Sadanittant, il-White House f’Washington qed jgħid li r-rappreżentanti tal-Gvern Iżraeljan wiegħdu li jikkunsidraw l-affarijiet bir-reqqa qabel jieħdu kwalunkwe azzjoni.

Dan meta l-Istati Uniti kemm-il darba ħeġġet biex l-Armata Iżraeljana ma tinfiltrax l-inħawi ta’ Rafah minħabba l-potenzjal ta’ ħafna aktar vittmi fost ir-residenti ċivili.

Iżda waqt li l-Amerikani huma tassew imħassbin dwar id-destin tal-poplu Palestinjan f’Gaza, l-Istati Uniti eżerċitat il-veto għar-riżoluzzjoni, fin-Nazzjonijiet Uniti, biex tingħata l-istatus ta’ membru sħiħ lil Stat tal-Palestina.

Fl-aħħar sigħat, is-Segretarju Amerikan tad-Difiża, Lloyd Austin u l-Ministru Iżraeljan bl-istess dekasteru, Yoav Gallant, iddiskutew is-sitwazzjoni f’Gaza flimkien mat-tensjoni li qed taħkem bħalissa madwar il-Lvant Nofsani.

Huma qablu dwar l-importanza li ċ-ċirkulazzjoni tal-għajnuna umanitarja liċ-ċivili ta’ Gaza tiżdied fuq livell sostenibbli u biex l-għajnuna tgħaddi wkoll mill-Port ta’ Ashdod, f’Iżrael, li ‘il quddiem għandu jservi bħala rotta ġdida għal din l-għajnuna.

Sadanittant, il-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, laqat għexieren ta’ miri tal-Ħamas f’Gaza. Dan bħala tkomplija tal-bumbardamenti fuq il-Ħamas fiċ-ċentru tat-territorju kif ukoll fuq il-bejtiet tat-terroristi fil-Belt ta’ Gaza lejn it-tramuntana.