Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: It-tweġiba lill-Iran indikat il-kapaċità ta’ Iżrael biex jolqot l-aktar siti sensittivi tar-reġim

Is-sitwazzoni perikoluża fil-Lvant Nofsani kompliet teskala wara li Iżrael spara missila lejn l-Iran fost rapporti dwar xi splużjonijiet fl-inħawi ta’ Isfahan, viċin is-siti u faċilitajiet nukleari .

Għalkemm ma jidhirx li l-impatt tal-attakk kien wieħed kbir, l-osservaturi qed isegwu kull żvilupp tal-episodju inkwetanti, bl-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn jappellaw għall-kalma biex l-affarijiet ma jiggravawx.

Fil-verità,  Iżrael kien ilu jwissi dwar ritaljazzjoni għall-attakk ta’ ġimgħa ilu mill-Iran fuq artu….Attakk li fih kienu sparati l-mijiet tal-missili u d-drones ljen l-ibliet tal-Iżraeljani.

Intant, l-Iran, fl-aħħar sigħat, ipprova jwassal il-messaġġ li kollox fil-pajjiż kien għaddej b’mod normali u fost l-istqarrijiet minn Tehran li pruvaw jimminimizzaw l-impatt u l-konsegwenzi tal-missila.

Xi osservaturi, qabel l-isparatura tal-missila, ħasbu li Iżrael kellu jwieġeb ‘b’mod ħafna aktar qawwi’ wara li l-Iranjani, fil-lejl tas-Sibt, kienu fetħu l-burraxka ta’ missili u drones fuq artu. Dan l-attakk bla preċedent ukoll ma ħalliex xi impatt kbir u meta l-parti kbira tad-drones kienu newtralizzati mill-Iżraeljani u l-qawwiet alleati tal-Istati Uniti u r-Renju Unit fir-reġjun.

Sadanittant, jibqa’ il-fatt li l-missila ta’ Iżrael ippenetrat sal-qalba tal-Iran u fejn laqtet bi preċiżjoni is-sit viċin iz-zona tan-nukleari….Bħal speċi ta’ twissija dwar il-qawwa tal-militar tal-Iżraeljani li kapaċi tagħmel id-differenza kollha waqt xi gwerra totali.

Il-media tal-Iran, fil-kummenti dritt wara l-azzjoni tal-Iżraeljani, ikkonfermat numru ta’ splużjonijiet fil-provinċja ta’ Isfahan, fiċ-ċentru tal-Iran, iżda ma rreferietx għal xi attakk speċifiku minn Stat li r-reġim f’Tehran iqis bħala għadu etern.

Iżrael lanqas ma kkummenta dwar l-attakk u meta t-tensjoni fir-reġjun, fl-aħħar sigħat, laħqet l-ogħla livell miż-żmenijiet tal-gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani.

Il-filmati li bdew joħorġu mill-Iran wara l-isparatura tal-missila urew id-dwal qishom beraq fuq Isfahan fost il-ħsejjes tal-isparar mid-difiżi għal kontra l-attakki mill-ajru.

Fl-inħawi ta’ Isfahan hemm bażi tal-ajru kbira, minbarra kumpless ewlieni għall-produzzjoni tal-missili. Intant u b’xorti tajba, l-International Atomic Energy Agency, li sservi bħala l-osservatur ewlieni u l-akbar awtorità għall-kontroll tas-settur nukleari. qalet li l-ebda siti nukleari ma ġarrbu l-ħsarat fl-azzjoni ta’ sigħat ilu.

L-Iran kien ilu l-aħħar jiem fuq stat kbir ta’ allert wara li Iżrael għamilha ċara li kellu jwieġeb għall-attakk fuq it-territorji tiegħu.

Dan meta l-Iran baqa’ jinsisti li l-attakk inkwistjoni kien ritaljazzjoni għal rejd mill-ajru, fil-bidu tax-xahar, fuq il-konsulat tiegħu fis-Sirja u fejn kienu mietu numru ta’ uffiċjali militari Iranjani. Iżrael baqa’ ma assumiex responsabbiltà għal dan l-attakk iżda l-Iran mill-bidunett qal li kien se jpattiha lill-Iżraeljani –  mingħajr ma qatt ressaq il-provi konkreti li r-rejd kien tmexxa tassew mill-Iżraeljani.

L-isparatura tal-missila lejn l-Iran qabdet lil kulħadd fuq sieq waħda u wara li s-sorsi infurmati viċin il-Gvern Iżraeljan kienu indikaw li ma kellhomx jirrikorru għal azzjoni militari qabel ‘iqisu sew iċ-ċirkustanzi u riperkussjonijiet’.

Madankollu, Iżrael baqa’ dejjem konsistenti fil-messaġġ li kellu ‘jirriserva d-dritt li jagħżel il-ħin u l-mument xieraq għal ritaljazzjoni kontra l-Iran’. Intant, il-Ministeru tad-Difiża Taljan żvela li l-Iżraeljani, fil-fatt, għażlu li jinfurmaw lill-Istati Uniti (l-akbar Alleat tagħhom) bl-intenzjoni li jisparaw il-missila lejn l-Iran ftit aktar minn siegħa qabel din  laqtet l-inħawi ta’ Isfahan.