Internazzjonali

Il-President Metsola tingħata Dottorat ta’ Honoris Causa mill-Universita’ ta’ Lisbona

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ingħatat Honoris Causa mill-Università ta’ Lisbona.

Il-Professur Carla Margarida Barroso Guapo da Costa, li ppreżentat in-nomina tal-Honoris Causa, irreferiet għal diversi raġunijiet li fi kliema jikkonfermaw il-kontribut ta’ Roberta Metsola għat-tisħiħ u l-progress tal-proġett Ewropew.

Il-Professur Guapo da Costa qalet li huwa partikolarment rilevanti li l-President Metsola kienet kapaċi tressaq ir-rappreżentanza ta’ pajjiż daqshekk żgħir, li mhux dejjem jokkupa post ċentrali fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, lejn il-qalba tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Hija saħqet li hija l-ewwel darba li ċittadin minn gżira żgħira rnexxielu jokkupa l-presidenza ta’ waħda mill-istituzzjonijiet Ewropej ewlenin, li b’xi mod jittraduċi bidla fl-istruttura attwali tal-poter fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Waqt li elenkat l-kredenzjali tal-President Metsola fejn tidħol il-ħidma tagħha favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi, il-Professur Guapo da Costa qalet li Roberta Metsola dejjem wriet li kienet “lesta li taħdem bla heda għad-difiża tad-demokrazija, il-libertajiet individwali u l-istat tad-dritt.”

Waqt l-għoti tal-Honoris Causa, il-President Metsola qalet li lil hinn minn rikonoxximent għall-ħidma tal-Parlament Ewropew, hija tara dan bħala responsabbiltà li tkompli twieġeb f’isem l-Ewropa.

Hi temmet b’appell biex kulħadd juża leħnu u biex ħadd ma jistenna lil ħaddieħor jagħmel dan għalih.