Internazzjonali

Iżrael jiftaħ attakk bil-missili fuq l-Iran

Missili Iżraeljani ntqal laqtu lill-Iran. Skont il-midjan Iranjana, instemgħu splużjonijiet fiċ-ċentru ta’ Isfahan u t-titjiriet ġew sospiżi fuq diversi bliet.

L-Iran jinsab fuq allert kbir wara li Iżrael qal li se jirrispondi għall-attakk Iranjan kontrih is-Sibt filgħaxija, hekk kif l-Iran spara aktar minn 300 drone u missila fl-ewwel attakk dirett tiegħu fuq Iżrael.

Għalkemm kważi kollha ġew interċettati mid-difiżi tal-ajru Iżraeljani bl-appoġġ tal-Istati Uniti, ir-Renju Unit u alleati oħra, uffiċjali Iżrealjani sostnew li l-Iran ser ibati minn konsegwenzi serji għal dak li għamel.

Il-midja Iranjana ma rrappurtat l-ebda impatt dirett u qalet li l-faċilitajiet nukleari kollha huma sikuri. Il-militar Iżraeljan għadu ma kkummentax.

Il-provinċja ta’ Isfahan hija dar għal bażi tal-ajru kbira, kumpless kbir ta’ produzzjoni ta’ missili u diversi siti nukleari.

L-Iran qalet ukoll li nstemgħu splużjonijiet qrib l-ajruport internazzjonali ta’ Isfahan u l-bażi tal-armata fl-istess belt ta’ Isfahan.