Sport

Jintrebaħ l-ewwel unur tal-IZIBET Elite Athlete Award

(Mix-xellug) Lorraine Cunningham, Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Gianluca Barbara, James Morgan, Brand Manager ta' IZI Group plc u Stephen Azzopardi, Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Gianluca Barbara rebaħ l-ewwel unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Jannar u Frar 2024 organizzat minn National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports .

Gianluca Barabara li għandu 34 sena, jagħmel parti mit-tim lokali Iron Taekwondo League li ħa sehem fl-Open de Liege fi Frar li għadda. B’kollox ħadu sehem 700 atleta. Fil-kategorija tal-Masters tat-80 kg, Barbara rebaħ il-midalja tad-deheb kontra l-Olandiż Norman Hornberger u b’hekk kiseb it-tieni midalja tad-deheb internazzjonali konsekuttiva.

Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group, ikkummenta li s-suċċess miksub minn Gianluca Barbara f’din il-kompetizzjoni hija biss qatra f’oċean! Hemm bżonn li jkunu apprezzati u megħjuna l-isforzi kontinwi li jwasslu għar-riżultati miksuba. Huwa awgura lil Gianluca Barbara aktar suċċess fil-futur u li jkompli jkun ta’ ispirazzjoni għall-atleti .

Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport, Sandro Micallef, innota b’ sodisfazzjon illi bħala Għaqda Ġurnalisti Sport tippremja atleta minn dixxiplina sportiva emerġenti. Unur mhux biss huwa sinjal ta’ titjib tal-atleta nnifsu, Gianluca Barbara, iżda wkoll jirrifletti l-ħidma li qed issir mill-Federazzjoni Maltija tat-Taekwondo.

Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.