Basketball Sport

Kampjonat Louis Borg Irġiel: Starlites jibdew b’rebħa fil-finali ta’ taħt it-23 sena

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites Naxxar………….78

Luxol…………………………..60

(20-13)(22-15)(29-18)(7-14)

Starlites bdew it-triq biex iżommu l-kampjonat tal-irġiel ta’ taħt it-23 sena b’rebħa fuq Luxol 78-60. B’diversi players li jimmilitaw ukoll fil-kampjonat tal-ewwel diviżjoni, il-partita kienet f’idejn Starlites għal ħin twil u kien biss fl-aħħar sessjoni li Luxol għamlu l-iskor aktar rispettabli. Kienu Starlites li kellhom l-aħjar bidu meta bil-punti ta’ Miguel Fabri, Matthew Scerri u Ian Felice Pace marru 6-1 minn fuq. Luxol kellhom risposta minn Isaac Azzopardi u Nathan Xuereb però hawn waslu tlett trippli minn Starlites, 2 minn Fabri u oħra ta’ Scerri biex fis-seba’ minuta Starlites fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 17-7. Luxol irkupraw bil-punti tal-aħwa Azzopardi iżda Fabri għamel it-tielet trippla biex Starlites temmew is-sessjoni 20-13 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites kellhom aktar trippli minn Scerri u Felice Pace u ħadu vantaġġ doppju 30-15. Xuereb u Philip Engelbert wieġbu għal Luxol qabel ma Luca Riolo għamel trippla għal Starlites. Xuereb u Seb Pace ukoll kellom trippla għal Luxol però Starlites daħlu jistrieħu 42-28 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 20 punt wara l-baskets ta’ Fabri u Felice Pace. Hawn Luxol kellhom żewġ trippli oħra minn Pace flimkien mal-punti ta’ Xuereb u Mark Iloube però Fabri kompla jiddomina u jikseb il-punti ta’ Starlites. Fl-aħħar minuta u nofs, Starlites kellhom sitt punti mingħajr risposta biex temmew il-perjodu 71-46 minn fuq. B’distakk ta’ 25 punt, Starlites bdew l-aħħar taqsima b’punti minn Scerri però hawn kienu Luxol li tħabtu l-aktar biex inaqqsu d-distakk. Fil-fatt trippla ta’ Pace fetħitilhom run finali ta’ 12-3 però kienu għadhom ‘l bogħod mill-avversarji u Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 78-60. It-tieni finali se tintlagħab nhar It-Tlieta 23 t’April u rebħa tagħti t-titlu lil Starlites.

Starlites Naxxar: K. Fabri, S. Aquilina 4, I. Felice Pace 18, M. Fabri 30, L. Riolo 6, M. Scerri 14, A. Sultana, L. Farrugia 4, M. Micallef, N. Sultana 2.

Luxol: S. Pace 14, I. Azzopardi 7, N. Engelbert 2, P. Engelbert, V. Englin, M. Sciberras, N. Xuereb 15, B. Debono 2, M. Iloube 3, M. Vassallo Pulis, A. Azzopardi 12.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nelson Da Silva