Basketball Sport

Kampjonat St. James Hospital U/19 Nisa: Luxol jerbħu l-kampjonat tan-nisa

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites Blue…………39

Luxol…………………….57

(10-11)(11-11)(9-16)(9-19)

Luxol Bolt għelbu lil Starlites Blue 57-39 fit-tieni finali tal-kampjonat ta’ taħt id-dsatax -il sena tat-tfajliet biex żammew it-titlu li rebħu l-istaġun li għadda. Għat-team ta’ Roderick Vella dan kien it-tieni kampjonat konsekuttiv li rebħu mingħajr telfa. Bħal ma ġara fl-ewwel finali, it-tensjoni fost dawn iż-żgħażagħ iddominat fl-ewwel żewġ taqsimiet però Luxol ħadu l-partita f’idejhom fit-tnejn ta’ wara biex rebħu l-partita u l-kampjonat. Wara l-ewwel basket tal-partita minn Lisa Fenech Pace għal Luxol, Starites wieġbu bil-punti ta’ Andie Saliba u Mariah Fenech. Luxol wieġbu b’żewġ trippli minn Shanice Farrugia u Anna Fenech Pace però Starites għamlu break qasir ta’ 6-1 biex marru fuq quddiem. Luxol qalbu l-iskor qabel intemmet it-taqsima b’żewġ free-throws ta’ Farrugia għal skor ta’ 10-11. Fit-tieni perjodu kienu Starites li marru fuq quddiem iżda Luxol għamlu 5 punti konsekuttivi. Hawn Starites kellhom mument tajjeb bi break ta’ 7-0 bil-punti ta’ Saliba u Fenech biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 3 punti 19-16. Luxol għalqu l-perjodu bil-punti ta’ Ella Abela, Farrugia u A. Fenech Pace biex fil-mistrieħ baqgħu punt minn fuq 22-21.

Starites reġgħu ħarġu tajjeb wara l-intervall u kellhom il-punti minn Saliba u Pippa Riolo u marru 3 minn fuq 26-23. Sarah Sciberras u A. Fenech Pace wieġbu għal Luxol li mħeġġa mill-partitarji storbjużi tagħhom għamlu run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Michela Marmara biex temmew is-sessjoni 38-30 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ speċjalment wara run ta’ 13-2 b’punti minn Sciberras, Vanya Baldacchino u trippla ta’ Jada Said. Luxol issa kienu 17 -il punt minn fuq u bi ftit aktar minn żewġ minuti għal tmiem il-partita setgħu jikkontrollaw l-aħħar sforzi ta’ Starites biex ħarġi rebbieħa 57-39. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana flimkien mad-direttriċi Caroline Schiavone ppreżentaw it-trofew ta’ Champions lil captain ta’ Luxol Lisa Fenech Pace.

Starlites Blue: A. Saliba 21, P. Riolo 2, M. Majkowska, N. Baldacchino, Y. Ferrando 7,  C. Vella 1, M. Fenech 8, M. Sciberras, F. Vella, L. Zammit, L. De Martino.

Luxol Bolt: G. Carabott, R. Fenech Pace, S. Sciberras 7, L. Fenech Pace 7, M. Marmara 3, J. Said 6, E. Abela 1, S. Fenech Pace, S. Farrugia 9, V. Baldacchino 10, C. Schembri, A. Fenech Pace 14.

Referees: Nicky Azzopardi, Fanny Fabok, Gianfranco Russo.