Lokali Qorti

Id-Diretturi ta’ Leisure Clothing qed jallegaw li ġew mixlija darbtejn għall-istess reat

Id-diretturi tal-kumpanija Leisure Clothing, li kienu ntbagħtu l-ħabs fuq traffikar ta’ bnedmin fl-2023, ippreżentaw każ Kostituzzjonali ġdid u sostnew li l-prosekuzzjoni akkużathom darbtejn għall-istess reat, li jfisser periklu doppju meta kienu ġew immultati €500 talli kisru l-liġi tax-xogħol f’seduta tad-DIER (Department of Industrial and Employment Relations), reat li qalu, li huma kienu ġew mixlija dwaru fil-każ tagħhom tat-traffikar tal-bnedmin.

Han Bin u Jai Liu kienu rispettivament id-Direttur Maniġerjali u d-Direttur tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-manifattur tat-tessuti proprjetà Ċiniża li kien għalaq fl-2017 wara l-arrest tagħhom. Għalkemm fil-bidu ġew illiberati, huma kienu nstabu ħatja ta’ traffikar u sfruttament ta’ impjegati Vjetnamiżi u Ċiniżi fil-fabbrika bbażata f’Bulebel, wara appell ippreżentat mill-Avukat Ġenerali.

F’deċiżjoni mogħtija f’Jannar 2023, il-Qorti tal-Appell kienet sabet lil Han u Jia ħatja li ġiegħlu lill-impjegati tagħhom jaħdmu ġranet twal bi ftit jew xejn waqfiet, f’kundizzjonijiet tax-xogħol illegali. It-tnejn li huma ngħataw sentenzi ta’ sitt snin ħabs u mmultati €200,000.

F’rikors ippreżentat quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha tliet xhur wara, f’Marzu 2023, Han, Jia u l-kumpanija kienu sostnew li sofrew ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, bl-argument li peress li l-liberazzjoni tagħhom kienet ġiet maqluba fl-appell, il-Qorti ma kinitx semgħet xhieda.

Iżda x-xahar ta’ wara, dik il-kawża kienet ġiet irtirata minħabba li kif isostnu l-avukati tal-atturi, wieħed mill-fajls tal-kawża relatat ma’ proċeduri oħra fuq merti simili, ma setax jiġi rintraċċat. Tnax-il xahar wara, l-avukati tal-koppja kkundannata reġgħu ressqu rikors quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha. Din id-darba, l-applikanti qed isostnu li f’każ tad-DIER dwar ksur tal-liġi tax-xogħol fl-2016, kienu ġew ikkundannati jħallsu €500 f’multi bejniethom.

Iż-żewġ kawżi kienu tressqu kontra l-istess individwu, matul l-istess żmien, kienu bbażati fuq l-istess fatti u kienu jinkludu akkuża ta’ ksur tal-liġi tax-xogħol. Dan, sostnew l-avukati, ifisser li japplika l-istess akkużi b’mod doppju, u għalhekk qed jitolbu lill-Qorti tiddikjara li dan kien jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom u tiddikjara s-sentenza tal-appell nulla.

Ir-rikors iffirmawh l-avukati Joseè Herrera, David Camilleri, Therese Commodini Cachia, Pio Valletta u Jason Azzopardi.