Libjan li f’Settembru li għadda ġie kundannat ħames snin wara li nstab ħati f’ġuri li kkorrompa tliet minorenni permezz ta’ webcam, kellu l-appell tiegħu miċħud mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Ahmad Ali Younes Ikbal kien instab ħati li ġiegħel żagħżugħ ta’ 12-il sena jwettaq atti relatati mas-sess fuq camera. Huwa kien instab ħati wkoll li kkorrompa żewġ tfajliet, ta’ 13 u 14-il sena wkoll fuq il-midja soċjali.
L-appell, ma kienx ikkontestat fuq il-fatti tal-każ ta’ kif żvolġew l-affarijiet, iżda l-akkużat ikkontesta li dawn il-fatti ma jikkostitwixux l-elementi tar-reati li dwarhom il-Qorti Kriminali sabet ħtija. Madankollu l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti, qablet perfettament mad-deċiżjoni mogħtija fil-ġuri.
Il-ġuri kien instema’ bla ġurati fejn irriżulta li r-raġel abbuża sesswalment minn tifel biex jissodisfa dak li jissejjaħ “foot fetish’ (fissazzjoni fuq is-saqajn). Ikbarh, ta’ 33 sena, instab ħati li kkorrompa tifel li fiż-żmien ir-reat kellu 12-il sena billi qanqal lilu nnifsu sesswalment waqt li kien ra saqajn it-tifel waqt telefonata fuq Skype.
Din l-imġiba indiċenti tiegħu saret fid-dawl sħiħ tal-vittma li bla dubju li hu kien qed jisfruttata għas-sodisfazzjon sesswali tiegħu. Ikbarh kien ġie ntraċċat wara li l-ġenituri tat-tifel saru jafu bil-kalvarju ta’ binhom u rrappurtaw il-kwistjoni lill-Pulizija.
Ikbarh, li aktar tard ammetta l-fissazzjoni sesswali tiegħu, kien ġie arrestat u akkużat li kkorrompa lit-tifel u żewġt ibniet, billi l-ewwel ikkuntattjahom fuq pjattaformi tal-midja soċjali, uża profili differenti, inklużi wħud taħt ismijiet ta’ nisa.
Wara li għamel kuntatt mat-tifel permezz tal-midja soċjali, huwa mbagħad stiednu jiċċettja fuq Skype. Madankollu, hekk kif ipproċedew dawk iċ-chats virtwali, is-sessjonijiet saru aktar “strambi” hekk kif Ikbarh, li wiċċu qatt ma kien viżibbli għat-tifel, għamel talbiet bil-miktub biex it-tifel jibgħatlu immaġini ta‘ saqajh.
Għall-ewwel, it-tifel bla suspett aċċetta. Iżda hekk kif is-sessjonijiet żdiedu fl-intensità, ħass li dawk it-talbiet kellhom sfumaturi sesswali li ma kinux xierqa għal persuna tal-età tiegħu. Peress li Ikbarh żamm il-camera mixgħula waqt dawk is-sessjonijiet, it-tifel seta’ jara li kien qed iqanqal lilu nnifsu sesswalment.
Meta t-tifel ipprova jieqaf minn dan kollu, Ikbarh rikattah, hedded li jpoġġi l-immaġini tiegħu fuq il-midja soċjali. “Kienet forma ta ‘manipulazzjoni,” kienet spjegat il-vittma. Il-vittmi l-oħra kienu rċevew immaġni tal-ġenitali maskili iżda ma kinux involuti f’sessjonijiet virtwali mal-akkużat.
Fil-bidu tal-ġuri, il-Prosekutur Angele Vella kienet tat sommarju qasir tal-każ tal-prosekuzzjoni kontra r-raġel. Huwa kien qed jiġi akkużat b’korruzzjoni ta’ minorenni taħt il-15-il sena, jiġifieri tifel ta’ 12-il sena, tifla ta’ 13-il sena u tifla oħra ta’ 14-il sena. Ikbal għandu fissazzjoni sesswali għas-saqajn tat-tfal, spjegat il-prosekutur.
“Hu kien juża Instagram, Skype u Facebook, fost pjattaformi oħra tal-midja soċjali, biex jaqbad tfal innoċenti,” qalet l-Avukat Vella, filwaqt li fakkret lill-Qorti li r-reati li għalihom huwa akkużat ma kinux jeħtieġu prova tal-intenzjoni li jikkorrompi lit-tfal, sabiex issib il-ħtija. “Ir-reat ta’ korruzzjoni ta’ minorenni ma jeħtieġx kuntatt, anke l-preżenza tal-minuri hi biżżejjed,” qalet l-avukat.
Id-difiża kienet argumentat li l-fatti tal-każ ma kinux jikkostitwixxu r-reati li fuqhom il-prosekuzzjoni kienet ibbażat il-każ tagħha. Madankollu, l-Imħallef Aaron Bugeja, li ppresieda l-ġuri, osserva li fil-każ tat-tifel, l-akkużat ma riedx sempliċement jara saqajn il-vittma tiegħu iżda ried ukoll li l-minuri jarah jagħmel atti oxxeni.
L-akkużat seta’ tefa’ l-camera tiegħu biex jimblokka dik l-immaġni oxxena mit-tifel. Iżda minflok għażel li ma jagħmilx hekk, ifittex pjaċir sesswali mill-fatt li l-persuna fuq in-naħa l-oħra kienet qed tarah. F’dak il-punt il-vittma nduna li kien qed jintuża għall-pjaċir sesswali tal-persuna l-oħra, osserva l-Imħallef.
L-Imħallef iddikjara lill-imputat ħati li kkorrompa lit-tifel. Huwa nstab ħati wkoll tar-reat iżgħar ta’ instigazzjoni għat-tħammiġ fir-rigward ta’ waħda mit-tfajliet kif ukoll li uża tagħmir elettroniku biex iħajjar lit-tifel biex jagħmel attività sesswali.
L-iżgħar fosthom, it-tifel ta’ 12-il sena, mill-ewwel kien skomdu u kien qal lill-akkużat li ma riedx ikompli bil-video calls, iżda kien imġiegħel jikkonforma meta l-akkużat hedded li jippubblika screen shots. mill-konverżazzjoni tiegħu mat-tifel.
“Ġiegħlu jiltaqa’ fuq l-internet xi erba’ darbiet, u dan sar reat kontinwu, qabel mat-tifel qal lil missieru dwar l-abbuż.” Missier il-vittma kien imbagħad ippreżenta rapport tal-Pulizija. L-akkużat sussegwentement tella’ screenshot tat-tifel, meħuda waqt il-video chat, fuq Facebook u użaha biex tiġbed aktar tfal, qalet l-avukat. Ikbal kien bagħat ukoll ritratt, li juri biss il-partijiet privati tiegħu, lit-tfajla ta’ 13-il sena.
Hi kienet issejvjat l-istampa u infurmat lill-ġenituri tagħha wara li attendiet taħdita dwar l-abbuż fuq l-internet mogħtija mill-Pulizija fl-iskola tagħha. Wara dak il-verdett, l-avukat difensur Joseph Brincat talab lill-Qorti, qabel ma tagħti l-piena, biex isejjaħ lill-uffiċjal tal-probation li kien sorveljat lill-akkużat sa minn meta tressaq il-Qorti fl-2018.
L-uffiċjal tal-probation xehed li għall-ewwel l-akkużat kien “ixxukkjat” minħabba ż-żmien li qatta’ taħt kustodja preventiva. Iżda bil-mod il-mod, fetaħ qalbu u aċċetta trattament mediku preskritt minn psikjatra. Ikbarh kien ħa impjieg li kellu sal-lum u wera li kien affidabbli, qal ix-xhud.
Meta għamlet l-aħħar sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Avukat tal-AĠ Angele Vella saħqet li dan kollu affettwa ħafna lit-tifel li kien ixxukkjat u mbeżża’. Huwa pprova “jaqla’” lilu nnifsu minn dak l-episodju u għamel minn kollox biex iħassar il-memorja, iżda “tifel ma jistax jiġi kkorromput”, saħqet l-avukat. L-akkużat kien qabad lill-minuri permezz ta’ frodi, u ġieli jistaħbew wara profili femminili fuq il-midja soċjali.
Il-piena ma kinitx biss li sservi ta’ retribuzzjoni, iżda li tibgħat messaġġ kontra tali abbuż ta’ minorenni, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-innoċenza mċappsa tagħhom ma setgħetx titreġġa’ lura. “It-tfal kellhom jiġu protetti minn individwi bla skrupli li jinħbew wara l-mobile tagħhom biex jissodisfaw ix-xewqat sesswali tagħhom,” sostniet l-Avukat Vella.
Min-naħa l-oħra, id-difiża sostniet li t-tifel deher li kien aktar imdejjaq bit-theddid u l-pressjoni li kienet ġejja mill-akkużat milli bil-vista tal-ġenitali maskili fuq il-monitor. Kien “biss issa” li dak iż-żmien il-minuri induna minn dak li kien għadda minnu, xehed il-vittma.
Fir-rigward tal-akkużat, li l-kondotta kriminali tiegħu ma kinitx tikkonċerna, minn dak iż-żmien kien indirizza l-‘fetish’ tiegħu u kien fuqu. Iżda l-Qorti osservat li r-raġel kien konxju mill-problema tiegħu u kellu jfittex l-għajnuna minn qabel.
Il-piena kienet li tirrifletti l-imġiba gravi tiegħu li kienet kundannabbli fuq diversi livelli, kompla l-imħallef, li kkundanna lil Ikbarh għal ħames snin ħabs u ħlas ta’ spejjeż ta’ esperti li jammontaw għal €2,073. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-elementi ta’ dan ir-reat huma essenzjalment il-parteċipazzjoni tal-minuri fl-attività espliċitament sesswali u xejn iżjed.
Il-leġiżlatur imbagħad iżid li bħala att materjali wkoll il-wiri ta’ organi sesswali, liema reat jista’ jsir ukoll, u għalhekk mhux neċessarjament, permezz tal-użu tat-teknoloġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni bil-kelma “inkluż” tfisser b’mod inekwivoku li meta l-attività inkriminatorja ssir mhux b’dan il-mezz, twassal
ukoll għar-reità.
Għalhekk bil-fatt illi l-appellant, kif inhu spjegat b’mod minizzjuż fis-sentenza appellata, iġiegħel lill-minuri jipparteċipa fl-attività sesswali devjanti bil-wiri tas-sieq u l-movimenti li huwa kien qed jagħtih istruzzjonijiet li jagħmel, u li għalhekk għalih kellhom effett erotiku, b’tali mod illi dan wassal għal gratfikazzjoni sesswali espliċita tiegħu fil-preżenza tal-imsemmi minuri jwassal sabiex ir-reat isib il-milja tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li ma għandhiex dubju li l-għan aħħari tal-akkużat, anke fil-każ ta’ waħda mill-bniet, kien dak li jinduċiha tipparteċipa fis-sessjonijiet ta’ pedofilija li huwa kien ikun irid. B’hekk din il-Qorti tqis li għalkemm ma kienx hemm provi b’saħħithom biżżejjed biex iwasslu għall-konklużjoni li fil-każ ta’ din it-tfajla kien hemm l-estremi tal-korruzzjoni tal-minorenni msemmi fl-artikolu 203 tal-Kodiċi Kriminali.
Mill-banda l-oħra minn dak li xehdet hi, il-fatt li din mhux biss rat ir-ritratt tal-pene mibgħut lilha mill-akkużat, iżda wkoll kienet fi ‘group chat’ fejn ġiet konxja mill-attività tal-akkużat li jimmasturba għas-saqajn, il-Qorti tqis li dawn il-fatti jirrendu lill-akkużat ħati tar-reat “minuri” iżda kompriż jew involut
imsemmi fl-artikolu 203A tal-Kodiċi Kriminali fil-konfront tagħha.
F’dak il-każ ukoll, tfajla minorenni kienet ġiet f’sitwazzjoni tara lill-akkużat jimmasturba.
L-Avukati Angele Vella u Danika Vella mexxew il-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Joe Brincat deher għal Libjan.
//= $special ?>

