Ir-regoli li ħarġet l-Awtorità tax-Xandir biex il-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola jkunu ċċensurati huma anti-demokratiċi u ta’ għajb għal pajjiżna.
L-ebda pajjiż demokratiku ma qatt ħareġ dan it-tip ta’ regolament kontra l-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew u l-membri tiegħu, li jkunu eletti demoratikament.
L-ebda pajjiż ma qatt ħareġ ordnijiet biex ikunu ċċensurati l-mexxejja ta’ istituzzjonijiet Ewropej. L-ordni tal-Awtorità tax-Xandir biex Roberta Metsola ma tkunx rappurata mill-mezzi tax-xandir ħarġet għax hi Maltija. Roberta Metsola qed tagħmel ġieh lill-pajjiż kollu u l-ħidma tagħha għandha tkun rikonoxxuta u rappurtata. Il-fatt li hi Maltija hu ta’ unur għalina u mhux bil-kontra, kif tippretendi l-Awtorità tax-Xandir.
Id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir tmur kontra l-valuri demokratiċi li dan il-pajjiż għandu jħaddan. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Awtorità biex tirtira b’mod immedjat dawn ir-regoli, li jmorru l-kontra l-libertà tal-istampa u x-xandir.
F’pajjiżi Ewropej oħrajn, il-President tal-Parlament Ewropew tkun mistiedna biex tiddiskuti l-ħidma tal-Parlament Ewropew u tkun rappurtata mill-media. F’Malta, l-Awtorità tax-Xandir qed tordna lill-istazzjonijiet biex jiċċensurawha. Dan hu inaċċettabli.
L-Awtorità tax-Xandir m’għandha qatt isservi ta’ forċina għal min irid jimblokka l-ħidma li ssir mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u mill-Parlament Ewropew.
//= $special ?>