Internazzjonali

L-Ukrajna: Jiżdiedu t-tfal vittmi fost l-assedju tar-Russi fuq iz-zoni ċivili

Talanqas żewġt itfal kienu fost il-vittmi tal-attakki mill-qawwiet tar-Russja fuq ir-reġjun ta’ Dnipropetrovsk, fiċ-ċentru tal-Ukrajna…Attakki li rriżultaw f’aktar minn għaxar mejtin, x’aktarx li kollha ċivili.

Il-balal tar-Russi laqtu lill-istazzjon tal-ferrovija fil-belt ewlenija ta’ Dnipro waqt li ntlaqtu wkoll numru ta’ djar fl-inħawi ta’Synelnykove, fid-direzzjoni tal-Lvant. Niżlu wkoll il-missili fuq sptar li joffri s-servizzi tal-maternità u meta s-sitwazzjoni hemmhekk ma kenitx magħrufa.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky qal li l-attakki komplew juru li l-Kremlin ħsiebu biss f’li jwettaq strateġija għall-qerda tal-poplu Ukren u fejn lanqas ma jrid jaħfirha lit-tfal innoċenti.

Hu kompla li l-attakki fuq iċ-ċivili huma l-agħar miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija fost appell ieħor biex il-Punent jipprovdi lill-ibliet Ukreni b’aktar sistemi avvanzati għal difiża kontra l-attakki mill-ajru.

Dan wara li l-Uffiċjali fil-belt ta’ Synelnykove ikkonfermaw li tifel ta’ tmien snin  u tifla ta’ 13-il sena kienu fost diversi ċivili li sfaw maqtulin fid djarhom li ġarrbu l-impatt dirett tal-balal tar-Russi.

L-attakk inkwistjoni ħalla wkoll numru ta’ midruba, uħud minnhom kritiċi, u li kienu jinkludu tfajjel ta’ sitt snin.

Fl-istess ħin, il-Kap reġjonali ta’ Dnipropetrovsk, Serhiy Lysak, irrefera għal aktar mejtin u ‘il fuq minn 20 midruba waqt l-attakk tar-Russi fuq iċ-ċentru ta’ Dnipro – bil-missili jinżlu fuq l-istazzjon tal-ferrovija kif ukoll fuq bini residenzjali ta’ ħames sulari.

L-uffiċjali man-network tal-ferrovija konfermaw il-mewt ta’ mara li kienet f’sezzjoni tal-istazzjon li ġarrbet l-agħar effetti tal-attakk u b’numru ta’ ħaddiema jsofru l-feriti.

Dan meta fl-aħħar sigħat, is-servizzi għall-emerġenza Ukreni komplew ifittxu qalb ir-radam ui tifrik tal-bini fost twissija li l-ammont tal-vittmi mill-attakk tar-Russi kellu jitla’ minn ħin għall-ieħor.