Lokali

Miguel Mifsud f’maratona ta’ 100km b’risq il-Caritas

Wara l-ġirja ta’ 100km nhar il-Ħadd 7 ta’ April, Miguel Mifsud jippreżenta donazzjoni lil Caritas Malta.

Miguel Mifsud temm b’suċċess il-ġirja ta’ 100KM madwar il-kosta ta’ Malta. Miguel, nhar il-Ħadd 7 ta’ April, irnexxielu jagħmel l-ġirja ta’ 100km fi ħdax-il siegħa b’pass ta’ 6.43 minuti/km.

Waqt lagħqa mad-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, kienet preżentata donazzjoni ta’ €6,100 li nġabru b’għan altruwistiku bħala ġest biex jagħti lura lin-nies fil-bżonn li huma megħjuna minn din l-organizzazzjoni.

Id-direttur ta’ Caritas Malta esprima l-apprezzament tiegħu lejn Miguel għal din l-inizjattiva u lejn kull min ta donazzjoni. Anthony Gatt temm jgħid li huwa ta’ sodisfazzjon li “nkomplu naħdmu ma’ Miguel Mifsud f’iktar avvenimenti u avventuri fejn permezz ta’ dan in-natural high inkomplu nwasslu l-messaġġ tas-sabiħ tal-ħajja ’l bogħod mid-dipendenza fuq id-droga.”

Fil-passat Miguel għamel żmien ta’ riabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi.

Miguel Mifsud irringrazzja lil kull min b’xi mod tah is-sapport għal din il-ġirja b’mod speċjali l-isponsors. Irringrazzja wkoll lil dawk li nhar il-Ħadd 7 ta’ April sabu l-ħin biex ġrew biċċa mid-distanza miegħu bħala sapport u wkoll lil dawk kollha li għoġobhom jagħtu donazzjoni. “Bħalma jien fil-passat gawdejt mill-frott ta’ donazzjonijiet li ingħataw, illum inħossni kburi li nista’ nagħti lura ftit minn dan il-frott għal dawk il-persuni li qed ifittxu l-għajnuna tal-Caritas” temm jgħid Miguel waqt li ppreżenta d-donazzjoni li nġabret f’kont apposta li nfetaħ għal din il-ġirja ta’ 100KM.

Minbarra ġbir ta’ fondi b’risq Caritas Malta, Miguel kien strumentali meta permezz ta’ diversi intervisti li għamel fuq il-media, wassal messaġġ ċar li l-attività fiżika żżommok ’il bogħod mid-droga.