Lokali Qorti

Mixli li strupra lill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 27 sena mwieled il-Palestina, wieġeb li mhux ħati li għal dawn l-aħħar xhur huwa stupra lil dik li kienet is-sieħba tiegħu. Ir-raġel li jgħix Bormla mal-allegata vittma u li għandu wild minnha, ġie mixli li wettaq dan ir-reat bejn is-16 u s-17 ta’ April li għadda u fix-xhur ta’ qabel.

Mahmoud Abdelkhadir beda jaġixxi b’mod emozzjonanti qabel ma tressaq il-Qorti fejn beda jibki u jixher u jgħid ħafna affarijiet li ma jagħmlux sens qabel ma tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.

L-Ispettur Omar Zammit qal lill-Qorti li nhar l-Erbgħa, l-allegata vittma daħlet l-isptar u għamlet rapport u wara li qalet x’kien ġralha, daħlet it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika biex tara l-każ.

Hawn hi qalet li l-partner tagħha abbużaha u li saħansitra stupraha. Qalet li dan l-aġir minn naħa tal-imputat ilu jseħħ għal diversi xhur. L-Ispettur Zammit qal li nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Brandon Lee Muscat qal li ma kienx qed jikkontesta l-validità tal-arrest tal-akkużat.

Abdelkhadir ġie mixli wkoll li ssekwesta lill-vittma, li kkaġunalha ħsara psikoloġika, biża’ li se sssir vjolenza kontriha, li heddidha u li ħareġ ‘il barra mil-limiti tal-provokazzjoni. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Il-Qorti laqgħet talba wkoll biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Omar Zammit, Wayne Buhagiar li kienu megħjuna mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Jennifer Polidano.