Lokali Parlament

Obbligati nipproteġu l-ambjent tagħkom


– Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech lill-istudenti ta’ Eko-Skola


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna li l-politiċi huma obbligati li jipproteġu l-ambjent tal-ġenerazzjoni preżenti u futuri.


Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta kien qed jindirizza l-konferenza Eko-Skola li saret fil-Parlament dalgħodu u li fiha pparteċipaw ukoll il-Prim Minitru Robert Abela, diversi ministri u deputati flimkien ma’ studenti minn diversi kulleġġi u skejjel Maltin u Għawdxin. Il-konferenza tmexxiet mid-Deputat Speaker David Agius.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech irringrazzja lill-istudenti li ħadu sehem fil-konferenza għaliex id-diskorsi li għamlu kienu diskorsi ġejjin minn vuċijiet ħielsa li jgħidu l-affarijiet kif inhuma flimkien ma’ proposti ġenwini li verament għandu bżonn dan il-pajjiż.


Quddiem dawn id-diskorsi, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux minnu li s-sistema edukattiva falliet lil dan il-pajjiż għaliex jidher ċar li l-edukaturi qed jiffurmaw studenti li kapaċi jgħidu dak li hu. Kieku l-awtoritajiet jimplimentaw il-proposti tal-istduenti kienu vermant ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li hawn qbil dwar l-importanza tal-kwalità tal-arja u tal-kwalità tal-ilma.


Bernard Grech saħaq fuq l-importanza tal-preservazzjoni tal-baħar u biex ma jkunx hemm iktar rimi ta’ drenaġġ fil-baħar. Hu appella biex il-politiċi ma jinsewx u ma jwarrbux il-proposti ambjentali tal-istudenti u qal li l-PN qed jipproponi liġi li biha kulħadd ikollu d-dritt ambjentali tiegħu garantit.


Il-PN għadu qed jistenna biex il-Parlament jiddiskuti din il-liġi u minbarra dan, ressaq ukoll mozzjon dwar il-ħela tal-ikel li wkoll qed jistenna li tkun diskussa fil-Parlament.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dak kollu li jsir għandu jsir bla kompromessi iżda skont il-prinċipji tas-saħħa tal-bnedmin u tad-dritt ta’ kulħadd għal ambjent sabiħ naturali, urban, fl-iskejjel u fil-postijiet ta’ divetiment. Aħna għandna obbligu nipproteġu l-ambjent tagħkom, ikkonkluda l-Kap tal-Oppożizzjoni.


Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn l-istudenti juru li l-futur tal-pajjiż hu iktar b’saħħtu milli hu llum. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-altruwiżmu, il-ġustizja soċjali, l-ilma, it-tħawwil ta’ iktar siġar, ir-riċiklaġġ, it-trasport bil-baħar, il-mżbliet u l-bidla li l-istudenti jridu jġibu fil-pajjiż.


Id-Deputat Speaker David Agius qal li dan il-programm edukattiv ta’ Eko-Skola tnieda 22 sena ilu min-Nature Trust Malta biex fl-2004 is-sessjoni finali ta’ Eko-Skola bdiet issir fil-Parlament Malti. Hu tkellem dwar is-sitwazzjoni problematika madwar id-dinja u dwar kif jeħtieġ soluzzjonjiet għall-problemi ambjentali waqt li jittieħdu l-miżuri preventivi.


Id-Deputat Speaker qal li ż-żgħażagħ u t-tfal qed jilmentaw li l-ambjent f’Malta hu wieħed maħmuġ u qed jappellaw lill-politiċi biex itejbu s-sitwazzjoni ambjentali f’Malta. Hu appella biex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet favur l-ambjent anki jekk dan ikun ifisser tibdil fil-ħjja kif jgħixu n-nies.


Il-koordinatur ta’ Eko-Skola, Paul Pace, introduċa l-laqgħa u wara żewġ studenti tal-Kulleġġ St.Elias ta’ Santa Venera, qraw il-mozzjoni li kienet diskussa fis-seduta. L-istudenti sostnew li huma kienu issuġġerew diversi proposti ambjentali fosthom is-separazzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ tal-fliexken tal-plastic snin twal qabel dawn kienu implimentati.


Fil-laqgħa saru interventi minn diversi studenti li tkellmu dwar l-agrikoltura, it-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni tal-wirt fl-ibliet u l-irħula, ir-restawr ta’ binjiet fl-irħula, il-prezzijiet tal-proprjetà, in-nuqqas ta’ ġonna, il-karozzi fil-komunitajiet, it-trasport u l-integrazzjoni fl-iskejjel.


Id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri tkellem fuq l-importanza li l-ambjent u n-natura jimxu id f’id u qal li l-bniedem għandu jassigura li l-ambjent ikun protett bl-aħjar mod possibbli. Justin Schembri qal li hu tajjeb li l-istudenti jkunu impenjati favur l-ambjent u jsemmgħu leħinhom.


Hu tkellem kif l-ispazji miftuħa qed jittieħdu minħabba l-bini li qed jiżdied. Jeħtieġ li kulħadd jifhem l-impatt negattiv li l-bini esaġerat jista’ jkollu, sostna Justin Schembri, li kompla li dan il-bini kollu qed ikisser l-ambjent. Għalhekk il-politiċi jridu jkunu responsabbli biex l-iżvilupp sostenibbli jkun attwat b’impenn, sostna Justin Schembri.


Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima qal li l-istudenti qed ikunu ta’ eżempju fl-ambjent u qed jappella biex il-politiċi jħarsu wkoll lejn il-preżent fid-deċiżjonijiet tagħhom.


Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg tkellmet fuq l-importanza ta’ spazji miftuħa u appellat biex l-istudenti jibqgħu jagħtu pariri lill-politiċi dwar l-ambjent.


Id-deputat Laburista Randoplh Debattista rringrazzja lill-istudenti għall-proposti ambjentali li huma ressqu u għall-mod kif kienu huma li ressqu diversi proposti snin twal qabel dawn ġew implimentati. Hu rringrazzja lill-istudenti għall-mod kif huma diġà qed jieħdu u jwettqu miżuri pożittivi ambjentali fl-iskejjel u fid-djar tagħhom. Randolph Debattista appella lill-istudenti biex jixtru mingħand kumpaniji li jirrispettaw l-ambjent.