Lokali

13-il żwieġ fl-aħħar għaxar snin li fihom kienu nvoluti persuni taħt l-età

Fl-aħħar 10 snin 13-il persuna taħt it-18-il sena żżewġu f’pajjiżna bl-informazzjoni ġiet żvelata wara Mistoqsija Parlamentari li għamlet ix-Shadow Minister Graziella Attard Previ.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri kkonferma li kien hemm 13-il żwieġ iżda ma qalx kemm kellhom żmien, in-nazzjonalità tagħhom kif ukoll ma żvelax il-ġeneru.

Fil-liġi ta’ pajjiżna, persuna għandha jkollha 18-il sena sabiex tiżewweġ; pero żagħżugħ jew żagħżugħa ta’ 16 jew 17-il sena tkun tista’ tiżewweġ bil-permess tal-ġenituri jew b’ordni tal-Qorti.

Fl-2019, il-Kumitat għad-drittijiet tat-tfal fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti rrakkomdat li din il-liġi tiġi emendata sabiex l-ebda persuna taħt it-18 -il sena ma’ tiżewweġ; iżda jidher li ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Gvern Malti.

Fis-sena 2022 l-attivista Lara Dimitrijevic qalet li għalliema li tkellmu magħha spjegawla li tfajliet ta’ nazzjonalita barranija anke saħansitra f’eta ta’ 12-il sena sparixxew mill-klassi. Sakemm imbagħad ġimgħat wara ġew lura, jgħidu li żżewwġu raġel akbar minnhom. Sitwazzjoni deskritta bħala waħda nkwetanti.

F’Misoqsija Parlamentari separata x-Shadow Minister Graziella Attard Previ saqsiet kemm kellna minuri li sofrew korriment fl-aħħar 10 snin bil-Ministru JoEtienne Abela jgħid li kien hawn 31 korrimenti.

Matul is-sena li għaddiet ma kienx hemm korrimenti rreġistrati filwaqt li fl-2022 kien hemm erbgħa.