Lokali

Ġimgħa mimlija attivitajiet iddedikata għal-libreriji

Kotba. Stejjer u Letteratura. Mit-22 ta’ April il-Malta Libraries se tkun qed torganizza ġimgħa ta’ attivitajiet fil-ġimgħa ddedikata għal-Librerija, marbuta mal-jum dinji tal-ktieb u jeddijiet tal-awtur – jum li jiġi mfakkar fit-23 ta’ April.

Net News tkellem mal-Manager Outreach tal-Malta Libraries Maria Muscat fejn saħqet li dawn l-attivitajiet tal-jiem li ġejjin mhux biss huma immirati għal dawk li jiffrekwentaw il-librerija iżda anke għal dawk li qed jitħajru jersqu lejn il-ktieb.

Muscat spjegat li l-attivitajiet, li huma offruti b’xejn għall-pubbliku, jingħataw bidu fit-22 ta’ April hekk kif ivaraw l-inizjattiva tad-Denfil, filwaqt li l-għada ssegwi attivita fil-Librerija ta’ Ħal Qormi …iżda mhux biss.

L-għada Malta Libraries se tkun qed torganizza l-Maratona tal-Qari mid-disgħa sad disgħa.

Dan filwaqt li se tkun qed issir ukoll kollaborazzjoni mal-Librerija tal-Università ta’ Malta. U fost oħrajn fil-25 ta’ April filgħaxija se jkun hemm lecture dwar kollezzjoni speċjali li hemm fi ħdan l-istess librerija.

Intant, Net News tkellem ukoll ma’ Doreen Borg Zammit, Deputat Librara fi ħdan il-Malta Libraries illi fisser li l-ktieb f’pajjiżna għadu mfittex kemm dak fiżiku u issa anke b’mod elettroniku bl-istatistika tixhed dan – b’630,000 mislufin lill-pubbliku.

Għaldaqstant il-jiem li ġejjin ċertament li wieħed jista’ jqishom bħala ideali biex il-Maltin u Għawdxin ikomplu jersqu aktar qrib il-qari u l-ktieb.

Kull min huwa interessat f’dawn il-jiem ta’ attivitajiet jew biex jissieħeb ma’ Malta Libraries għandu jżur is-sit online jew isegwi fuq il-midja soċjali.