Lokali

“Ħidma mill-PN li qed tħalli effett għall-ġid tal-poplu”

Huwa importanti li l-PN ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu. Għaliex il-Labour ma jistax jibqa’ jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.

Sostna dan il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut, hekk kif il-Ħadd filgħodu se jkun qed jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali…wara li din il-ġimgħa saru ħames assemblej, bis-sehem tal-kunsillieri.

Waqt il-programm NETLIVE, Mark Anthony Sammut fisser kif fl-aħħar sena, grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista, saret l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia, il-poplu rebaħ lura l-isptarijiet, ingħataw il-flus lura lin-nies li ġew misruqa mill-kontijiet tad-dawl, filwaqt li ġiet imwaqfa l-liġi tal-abort – għaliex kieku kien għal-Labour, din għaddiet mill-Parlament.

Sammut għadda dawn ir-rimarki biex ifisser kemm huwa importanti l-vot tat-8 ta’ Ġunju.

It-triq lejn din id-data tibda mill-Ħadd bil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali; sessjoni plenarja li hi miftuħa għal kulħadd. Imbgħad, il-Ħadd ta’ wara se ssir maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-PN, filwaqt li fl-1 ta’ Mejju titnieda uffiċjalment il-kampanja elettorali bl-attivita fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta.