Lokali

“Il-Ministru diġà għandu qalbu maqtugħa mit-traffiku” – Ir-reazzjoni tan-nies wara l-istqarrija ta’ Chris Bonett

M’hemm ebda regolamenti li jillimitaw l-użu tal-vetturi li jinkrew lill-Gvern u għaldaqstant persuna tista’ tuża l-karozza kif tixtieq qalbha.

Hekk kien saħaq il-Kummissarju tal-Istandards Joseph Azzopardi meta l-Ministru Chris Bonett, lura fl-2023 ma kienx instab ħati ta’ ksur ta’ etika….wara li kien tela’ għal btala Sqallija…bil-karozza Ministerjali li kellu bħala Segretarju Parlamentari.

Ironikament, l-istess Bonett – li jitla’ bil-karozza Ministerjali saħansitra sa Sqallija – din il-ġimgħa talab liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin biex xi kultant, biex imorru x-xogħol, iħallu l-karozza d-dar biex jittaffa t-traffiku.

Chris Bonett huwa t-tielet Ministru tat-Trasport f’sentejn – bin-nies, fuq il-media socjali, jiddeskrivuhom bħala wieħed aqwa mill-ieħor.

Dan hekk kif wara li l-eks Ministru Aaron Farrugia, kien farfar il-ħtija fuq il-festi – issa saħqu li għandna Ministru li m’għandux l-iċken idea kif se jkun qed ifassal roadmap biex itaffi l-konġestjonijiet fit-toroq Maltin kawża taż-żieda sproporzjonata fil-popolazzjoni.

Diversi persuni sostnew li minn kif tkellem il-Ministru Bonett jidher li diġà għandu qalbu maqtugħa u li l-Gvern ta’ Abela ma jafx kif se jsolvi din l-isfida.

Oħrajn talbu lil Bonett li jekk verament irid lin-nies iħallu l-karozza d-dar għandu jimxi b’eżempju u jibda jmur ix-xogħol b’tal-linja jew bir-rota hu wkoll.

Intant, wara snin u xhur ta’ wegħdi dwar it-trasport alternattiv permezz tal-metro….Bonett ta x’jifhem ma’ Net News li l-pajjiż ma jiflaħx għal investiment ekonomiku daqshekk massiċċ. U għalhekk kollox jidher li l-Metro se tibqa’ biss ħolma. Bil-Gvern tal-Labour issa nqabad f’rokna u m’għandux idea kif se jkun qed isolvi l-problema li ħoloq fit-toroq tagħna – bl-unika parir li qed jagħti l-Ministru hu….biex tħalli l-karozza d-dar.