Lokali

Il-PN jitlob li ssir diskussjoni b’urġenza biex nindirizzaw l-ammont allarmanti ta’ suwiċidji f’pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob liċ-Chairpersons tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat tas-Saħħa biex iż-żewġ Kumitati jiddiskutu flimkien u b’mod urġenti l-ammont allarmanti ta’ suwiċidji f’pajjiżna. Din it-talba saret mix-Shadow Ministers Albert Buttigieg, Ivan Bartolo, Graziella Galea, Stephen Spiteri, Ian Vassallo u Adrian Delia.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif ir-rapport tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-sena 2021-2022, f’paġna 22, jgħid li matul l-2021 (l-aħħar sena li nġabret id-data f’dan ir-rapport) kien hemm 34 suwiċidju. L-età ta’ dawn il-persuni kienet bejn 14 u 73 sena, li minn 34 każ, sitt persuni kienu taħt il-25 sena u tlieta aktar minn 65 sena.

Minn diversi Mistoqsijiet Parlamentari irriżulta wkoll li matul is-sena 2022, kien hemm 24 każ ta’ suwiċidju.

Min-naħa l-oħra, matul l-2023 kien hemm 27 każ ta’ suwiċidju, filwaqt li kien rapportat 126 attentat ta’ suwiċidju. Dan minbarra li jista’ jkun hemm każijiet oħrajn li ma kienux rapportati. Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, kienu rreġistrati erba’ każi ta’ suwiċidju: tnejn f’Jannar u tnejn oħra fi Frar.

Din is-sitwazzjoni hi waħda ta’ tħassib serju. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed itenni t-talba li ż-żewġ Kumitati jaraw li jkun hemm ‘task force’ magħmula minn esperti u professjonisti minn diversi aspetti ta’ dan il-fenomenu biex fiż-żmien stipulat iħejju numru ta’ rakkomandazzjonijiet bħala pjan ta’ azzjoni, prevenzjoni u l-kura meħtieġa.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li dan kollu hu meħtieġ mhux biss ma’ u għal dawk il-gruppi li jinsabu f’riskju, iżda għal kulħadd. Dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jkun mibni mhux biss għas-snin li ġejjin, iżda anke għaż-żmien ta’ issa minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni.

Barra minhekk, fid-dawl tal-fatt li din mhix kwistjoni ta’ natura politika partiġġjana, il-Partit Nazzjonalista jinsab ċert li se jkun hemm qbil ukoll mill-membri l-oħra tal-Gvern għal din id-diskussjoni matura.