Lokali

AĠĠORNATA: Ħaddiem imut wara li sfronda saqaf f’Tas-Sliema

Traġedja f’Tas-Sliema wara li ħaddiem Albaniż tilef ħajtu hekk kif sfronda saqaf ta’ residenza privata waqt li kienu għaddejjin xi xogħlijiet estensivi.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-0930 tas-Sibt filgħodu fi Triq Injazju f’Tas-Sliema fejn mill-ewwel investigazzjonijiet rriżulta li żewġt irġiel Albaniżi, li kienu qed jaħdmu fir-residenza waqa’ saqaf fuqhom.

Xhieda fuq il-post li tkellmu ma’ Net News saħqu li l-ħoss li ħasad il-ħemda ta’ filgħodu kien wieħed qawwi, bil-ġirien jisimgħu l-għajjat għall-għajjut u għaldaqstant ċemplu minnufih għall-assistenza.

Fil-post waslu Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, timijiet mediċi kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija. 

Kelliema għal Pulizija spjega lill-ġurnalisti preżenti li raġel ta’ 31 sena residenti Ħaż-Żebbuġ irnexxielu joħroġ waħdu mit-tiġrif….bir-raġel jittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.

Madanakollu sfortunatament Albaniż ieħor, ta’ 51 sena minn Ħaż-Żebbuġ ġie ċċertifikat mejjet fil-post.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Philip Galea Farrugia li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol għadhom għaddejjin.

Intant, fi stqarrija l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni spjegat li x-xogħlijiet li kienu qed isiru fil-parti ta’ ġewwa tal-binja ma kellhomx l-approvazzjoni kompleta tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan hekk kif il-BCA saħqet li l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar kienet għada waħda pendenti, u wisq anqas ma kien hemm applikazzjoni mal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni.

B’hekk spjegat li ma kien hemm ebda permess għal xogħlijiet.

Din sfortunatament hija l-aħħar mewta fost lista twila ta’ imwiet f’pajjiżna relatati mal-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni.

Ċifri ppubblikati mill-NSO urew li aktar minn nofs il-fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol li seħħew bejn l-2022 u l-2023 kienu involuti f’din l-industrija….b’xejn inqas minn 20 fatalità  – inkluż iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.