Futbol Sport

Kollox miftuħ fl-aħħar tlett partiti fil-Kampjonat BOV Premier, Floriana kontra Marsaxlokk tispikka fl-24 ġurnata

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

Hekk kif nersqu qrib l-aħħar partita tal-istaġun, l-24 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se toffri ħafna partiti eċitanti, li se jkunu strumentali fit-tfassil finali tal-klassifika. Kważi kull tim għandu xi ħaġa x’jiggwadanja minn dawn il-partiti, min għadu qed ifittex l-ewwel rebħa, min qiegħed jissielet biex isalva, min jiġġieled għall-post mal-ewwel erba’, u ovvjament, l-iktar dwell importanti bejn Floriana u Ħamrun Spartans ta’ min se jkun inkurunat champion wara dawn it-tlett partiti.

Gżira United v Birkirkara | Illum, fis-2:00pm, fit-Tony Bezzina Stadium

Partita kruċjali għaż-żewġ skwadri bi skopijiet differenti. Birkirkara qed ifittxu li jkomplu jipprovaw idawru l-istaġun mhux daqs tant pożittiv, u jimmiraw għall-post mal-ewwel 5. Il-kwalifikazzjoni għall-Ewropa mill-kampjonat hija diffiċli għal Birkirkara, madankollu post fis-semi-finali tal-Izibet FA Trophy tkompli tqanqal it-tama’ fil-Kalkariżi. Gżira United li ukoll ma kellhomx staġun mill-aqwa qed ifittxu li jkomplu jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni u jikkonfermaw posthom fl-ogħla diviżjoni ta’ Malta għall-staġun ieħor. Gżira li għadhom qed isoffru mill-bidu ħażin li kellhom, jistgħu ukoll isalvaw dan l-istaġun jekk ikomplu jimmpresjonaw fl-Izibet FA Trophy, hekk huma ukoll jinsabu fis-semi-finali. Il-Maroons jinsabu biss żewġ postijiet fuq iż-żona tar-relegazzjoni, b’distakk minimu ta’ 5 punti.

Ħamrun Spartans v Santa Lucia | Illum, fis-2:00pm, fl-Istadium Nazzjonali

Iċ-champions attwali Ħamrun Spartans se jaffrontaw lil Santa Lucia illum fis-2:00pm. Xejn inqas minn tlett punti għall-Ispartans jekk iridu li jżommu l-pass ma’ Floriana fl-ewwel post, qabel il-partita tant important tal-ġimgħa d-dieħla, il-konfront dirett bejn Floriana u Ħamrun.  Minn naħa l-oħra, Santa Lucia jirrikjedu t-tlett punti kollha biex iżommu t-tammiet ta’ salvazzjoni ħajjin, hekk kif jokkupaw l-għaxar post fil-kampjonat b’26 punt, tlett punti taħt Gżira United. Dan ifisser li wieħed ma jridx jissottovaluta lit-tim immexxi minn Alessandro Zinnari, li matul l-istaġun kisbu anka riżultati sorprendenti bħal rebħiet kontra Balzan, Birkirkara, Naxxar u Valletta.

Marsaxlokk v Floriana | Illum, fl-4:15pm, fl-Istadium Nazzjonali

Konfront xejn faċli għal Floriana li se jkunu qed jilagħbu kontra Marsaxlokk li jokkupaw ir-raba’ post fil-klassifika u għaddejin minn forma tajba f’dawn l-aħħar ġimgħat, b’rebħiet importanti fuq Ħamrun Spartans, Valletta u Santa Lucia. Iż-żewġ timijiet qed ifittxu l-punti massimi hekk kif Floriana jittamaw li jkomplu jkabbru l-vantaġġ fuq Ħamrun, filwaqt li Marsaxlokk jinsabu f’pożizzjoni skomda, b’vantaġġ ta’ tlett punti fuq Hibernians fil-ħames post, u distakk ta’ 6 punti fit-tielet post. Dan ifisser li x-Xlukkajr għandhom bżonn jieħdu l-punti kollha akkost ta’ kollox biex jibqgħu fir-raba’ post u jipprovaw jitfgħu l-pressjoni fuq Sliema li huma mpenjati kontra Naxxar Lions.

Sliema Wanderers v Naxxar Lions | Illum, fl-4:15pm, fit-Tony Bezzina Stadium

Sliema Wanderers huma forsi l-unika tim li huwa prattikament ċert fuq il-pożizzjoni tiegħu fil-kampjonat, hekk kif bħalissa jinsabu fit-tielet post b’distakk ta’ 6 punti fuq Marsaxlokk fir-raba’ post, u rebħa illum fuq Naxxar Lions u telfa għal Marsaxlokk tfisser li l-Wanderers jestendu d-disstakk b’disa’ punti u jikkonfermaw posthom fit-tielet post, li ovvjament ifisser li jikkwalifikaw għall-fażi ta’ kwalifiakzzjoni għall-UEFA Europa Conference League. Konfront bejn żewġ timijiet li tellaw miċ-Challenge League, u li t-tnejn sorprendew matul l-istaġun. Naxxar Lions kellhom staġun sodisfaċenti hekk kif jinsabu fis-seba’ post b’ 31 punt, bit-tim immexxi minn George Vella jfittex li jirritorna jirbaħ wara t-telfa diżappuntanti fuq Sirens.

Sirens v Gudja United | Għada, fil-11:00am, fis-Centenary Stadium

Żewġ timijiet li jokkupaw l-aħħar żewġ postijiet fil-klassifika, u li huma diġa matematikament relegati. Gudja United għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa staġjonali wara 23 partita, fejn matul l-istaġun ġabru 6 punti kollha minn draws u jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, filwaqt li Sirens kisbu żewġ rebħiet bl-iktar rebħa riċenti tasal il-ġimgħa l-oħra kontra Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-1. Wieħed jista’ jargumenta li dan il-konfront huwa iktar important għal Gudja li possibilment jistgħu jiksbu l-ewwel rebħa kontra avversarju ta’ kalibru simili.

Mosta v Hibernians | Għada, fis-2:00pm, fit-Tony Bezzina Stadium

Hibernians salvaw punt fl-aħħar minuti kontra Valletta permezz ta’ Jurgen Degabriele, b’din il-partita tkun wirja ċara tal-istaġun li kellhom Hibernians mimli sfidi u turbulenzi, madankollu t-tim immexxi minn Branko Nisevic irnexxielu jitla’ fil-5 post wara sensiela ta’ riżultati pożittivi, u mhux jassigura postu fl-ewwel diviżjoni għall-istaġun li ġej imma jissielet għall-post mal-ewwel erba’. Intant, Mosta għandhom bżonn jiksbu l-punti minn dan il-partita u jittamaw li Santa Lucia jiġu megħluba minn Ħamrun jekk iridu jsalvaw din is-sena. Minkejja n-nuqqas ta’ espejrenza tal-iskwadra żagħżugħa ta’ Mosta, il-plejers veloċi u friski jistgħu jkunu fundamentali f’din il-partita, għall-kuntrarju ta’ Hibernians li għandhom skwadra ikbar fl-eta’.

Valletta v Balzan | Għada, fl-4:15pm, fit-Tony Bezzina Stadium

L-aħħar partita skedata għal din il-ġimgħa, partita mistennija minn eluf ta’ partitarji tal-futbol Malti, mhux biss mill-partitarji Beltin. Hekk kif fadal l-aħħar tlett partiti, Valletta mpenjat l-ewwel kontra Balzan. Skwadra li naqset mis-sena l-oħra, u ma kisbitx l-aqwa riżultati matul l-istaġun, madankollu qabdet il-forma riċentament hekk kif ilhom seba’ partiti bla telfa, b’draws kontra Floriana, Hibernians, Birkirkara u Sliema Wanderers, erba’ mill-ikbar timijiet fil-kampjonat.

Minn naħa l-oħra Valletta ġejjien minn riżultat diżappuntanti, dak li setet tkun l-ewwel rebħa minn Jannar spiċċar fi draw kontra Hibernians. Valletta jridu jirbħu l-partiti kollha u jittamaw li Mosta u Santa Lucia jfallu fil-partiti tagħhom biex isalvaw.