Ġiet fi tmiemha l-34 edizzjoni tal-Mini European Assembly organizzata minn National Student Travel Organisation (NSTF).
Id-Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati David Agius, mexxa s-Sezzjoni Finali tal-Mini European Assembly fil-Parlament ta’ Malta.
Fid-diskors tiegħu, David Agius fakkar kif l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jinsabu biss xahrejn ‘il bogħod, u hekk kif l-elezzjonijiet qed isiru fi żmien ta’ kriżi minħabba l-kunflitti kurrenti fil-Lvant Nofsani, huwa importanti li iżjed minn qatt qabel il-poplu joħroġ jivvota sabiex nkomplu ngawdu l-paċi fl-Ewropa u nkomplu nippromwovu d-drittijiet umani.
Minn naħa tagħha, ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima Eve Borg Bonello sostniet l-importanza sabiex iż-żgħażagħ ikunu iżjed informati u nvoluti fil-politika, b’mod li jinvolvi iżjed ħsieb kritiku u mhux biss tagħlim bl-amment. Borg Bonello tenniet billi tgħid li għalxejn ngħidu kontra l-istat ta’ pajjiżna jekk aħna ma nagħmlu xejn biex nbiddlu sitwazzjoni.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wkoll indirizzat lill-parteċipanti, fejn sostniet l-importanza tal-lezzjonijiet li jitgħallmu billi jipparteċipaw f’kompetizzjoni bħal din – lezzjonijiet li ma jitgħallmux fil-klassi tal-iskola, li se jippreparawhom għad-dinja professjonali.
Wara d-diskussjonijiet saret l-aħħar plenarja tal-kompetizzjoni, li fiha ġew diskussi l-isfidi tad-demokrazija u l-involviment taż-żgħażagħ. Il-parteċipanti, li rrapreżentaw pajjiżi differenti f’dak li jissejjaħ bħala model parliament, ppreżentaw u vvutaw fuq emendi għal set ta’ riżoluzzjonijiet li ppreżentaw l-NSTF stess dwar dan is-suġġett.
Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni se jmorru fil-Parlament Ewropew f’Brussell f’Lulju li ġej.
//= $special ?>